Saturday, November 16, 2024

€500,000 għall-edukazzjoni fil-films…

“Dan huwa l-kuntratt tagħna għall-ġenerazzjoni li jmiss” - il-Kummissarju tal-Films, Johann Grech.

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

“Bħala Kummissjoni Maltija tal-Films, qed nallokaw nofs miljun ewro għall-edukazzjoni fil-qasam tal-films. Dan huwa l-kuntratt tagħna mal-ġenerazzjoni li jmiss. Il-messaġġ huwa wieħed ċar: Ninsabu hawn biex nappoġġjawkom tul il-vjaġġ tagħkom.”

Iddikjara dan il-Kummissarju tal-Films Johann Grech fil-ftuħ tal-konferenza li ttellgħet iktar kmieni llum f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi bit-tema “l-Edukazzjoni fil-Films” bħala parti mill-Mediterrane Film Festival.

Grech beda biex spjega li minbarra l-impjiegi li din l-industrija toffri, qiegħda tagħti wkoll l-opportunità lit-tfal li minn ċkunithom jiġu mħarrġa fl-istess waqt li jkunu aktar kreattivi. 

Huwa spjega li l-impenn tal-Kummissjoni hija li jkomplu jsiru ż-żjarat fl-iskejjel madwar Malta u Għawdex li jispiraw lill-ġenerazzjoni żagħżugħa biex ikomplu jimirħu fil-films. 

Qal ukoll li se jkun qed isir summer camp tal-ewwel xorta tiegħu biex it-tfal sa minn età żgħira jitgħallmu u jifhmu aktar kif jinġibdu l-films kemm għaċ-ċinema kif ukoll għat-televiżjoni. 

“Dak li qed ngħidu hu li dawk li qed joħolmu li jaħdmu f’din l-industrija, għandhom ċans realistiku li jwettqu din il-ħolma hawn Malta,” qal il-Kummissarju tal-Films. “It-triq ‘il quddiem hija t-tisħiħ tal-edukazzjoni fil-films.” 

Huwa tenna jgħid li “l-impenn tagħna għall-ġenerazzjoni li jmiss f’dan il-qasam ma jiqafx hawn. Dan hekk se jkomplu jissaħħu aktar ir-relazzjonijiet ma’ diversi entitajiet fosthom l-MCAST, l-Università ta’ Malta, l-Aġenzija Żgħażagħ u l-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi (FES) permezz ta’ ffirmar ta’ diversi MOUs.” 

Min-naħa tiegħu, il-Ministru tal-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal li rridu nħarsu lejn edukazzjoni ħolistika li toffri dak kollu possibbli u twassal għall-iżvilupp sħiħ tal-istudenti. 

Huwa qal li avvenimenti bħal dawn jiħduna f’dik id-direzzjoni fejn l-istudenti qegħdin jibbenefikaw minn diversi inizjattivi li permezz tagħhom jiksbu l-ħiliet meħtieġa u li fl-aħħar mill-aħħar iwassluhom għall-karriera li jixtiequ jaqbdu fil-futur. 

Ekonomija

Sport