Saturday, December 21, 2024

€6 miljun investiment fin-network ta’ New Water f’Għawdex hekk kif aktar dispensers qed jiġu installati

Aqra wkoll

B’investiment ta’ €6 miljun il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għaddejja b’ħidma fin-network tan-New Water  f’Għawdex. Dan it-tkabbir qed isir f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex biex aktar bdiewa jibbenefikaw minn New Water li jintuża għal tkabbir ta’ frott u ħxejjex.

Preżentement n-network għaddej minn Għajnsielem sa Kerċem, filwaqt li  għaddej xogħol biex ikompli jinfirex għal total ta’ 9km. Grazzi għal dawn l-investiment se jkun hemm 60 dispenser fil-gżira Għawdxija.

Dan ġie mħabbar mil-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, il-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-ilma Ivan Falzon waqt żjara tax-xogħolijiet li qed isiru f’Santa Luċija, Kerċem Għawdex.

Il-Ministru Miriam Dalli spjegat kif il-Korporazzjoni għaddejja b’ħidma biex tkompli ttejjeb il-kwalità tal-ilma, fejn diversi ġibjuni qed jiġu msaqqfa biex b’hekk jiġi kontrollat in-network f’żoni rurali li se jkopri aktar minn 40km b’madwar 200 dispenser ta’ New Water f’Malta u Għawdex.

“Bħala Gvern qed inkomplu naħdmu biex inwasslu New Water lil aktar bdiewa u raħħala biex b’hekk ikunu jistgħu jużawh għat-tisqija. In-New Water qed ikun sors essenzjali fejn il-bdiewa qed jibbenefikaw minn provvista ta’ ilma b’salinita baxxa li tipprovdi ħxejjex ta’  kwalità  u produzzjoni akbar u  aktar varjata,” qalet il-Ministru Dalli.

“L-aspett rurali f’Għawdex għadu wieħed b’saħħtu u dan ġie ikkonfermat mill-aħħar statistika maħruġa fil-bidu ta’ Frar mill-Uffiċju Nazzjonali tal-Istatistika. It-tibdil fil-klima hu fenomenu li ma jistax jiġi injorat u kien għalhekk li l-Gvern, permezz tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, qed tespandi n-network tas-second class water biex tipprovdi dan ir-riżors essenzjali lill-bdiewa tagħna,” spjega Minister Clint Camilleri.

Il-Ministru Camilleri fakkar li dan m’hux l-uniku investiment li sar Għawdex f’dan ir-rigward hekk kif matul l-aħħar snin tnaddfu xi widien biex aktar ilma jiġi maħżun filwaqt ġie nawgurat ġibjun għall-ħażna tal-ilma tax-xita, liema ilma ser ikun jista’ jintuża mill-bdiewa.

“Il-WSC se tkompli tinvesti fl-infrastruttura tagħha biex tkompli tikkontribwixxi favur ekonomija ċirkolari, issaħħaħ l-ambjent ta’ madwarna u fl-istess ħin toffri sapport lil industrija tal-biedja. Matul l-aħħar sentejn irdopjajna l-ammont ta’ New Water li pproduċejna, imma l-miri tagħna huma ferm iżjed ambizzjużi. Dan l-investiment fin-networks li rajna illum jikkonferma l-impenn li għandna. Fondi Ewropej ma fondi nazzjonali li verament qed jagħmlu titjib għal ġid komuni,” qal il-Kap Ezekuttiv Ivan Falzon.

Ekonomija

Sport