Friday, November 15, 2024

€60 miljun investiti fis-settur kulturali … se jerġa’ jitnieda l-Culture Pass

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fil-Budget għas-sena d-dieħla, se jkun hemm investiti xejn inqas minn €60 miljun fis-settur kulturali. Budget li huwa maħsub li jtejjeb il-wirt kulturali ta’ pajjiżna, u jagħti lura lill-poplu aktar spazji pubbliċi u esperjenzi li jkomplu jsawru l-identità tagħna bħala poplu. 

Qal dan il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici f’konferenza stampa li indirizza fil-Valletta Design Cluster b’rabta mal-miżuri tal-budget fil-qasam kulturali. 

Fl-istess konferenza tħabbar it-tnedija mill-ġdid tal-Culture Pass fejn permezz ta’ dan il-programm, l-istudenti tagħna qed jiġu offruti esperjenza kulturali u artistika filwaqt li l-professjonisti qegħdin ikunu inkoraġġiti sabiex joħolqu u jiżviluppaw xogħlijiet għal udjenza żagħżugħa kif ukoll jiżdiedu l-programmi kulturali fil-kurrikulu tal-istudenti.

Il-Ministru Bonnici rrefera wkoll għall-proġett MICAS, li l-għan tiegħu huwa dak li jitwassal il-messaġġ lill-komunità internazzjonali tal-arti kontemporanja. Proġett li se jrodd lura aktar spazji pubbliċi miftuħa bis-saħħa tal-arti u l-kultura. 

Permezz ta’ investiment b’ko-finanzjament Ewropew bħalissa qed isir xogħol biex in-naħa tas-swar ta’ San Salvadur fil-Floriana, f’ambjent storiku mill-isbaħ u f’postijiet patrimonjali ta’ eċċellenza, jingħata lura lill-poplu 12-il tomna ta’ art li mhijiex aċċessibbli jew kienet mitluqa kompletament bis-saħħa tal-arti u l-kultura. 

Is-sena d-dieħla huwa ppjanat li jitlestew il-galleriji tal-arti u l-ġnien tal-iskultura b’investiment li jlaħħaq l-€14-il miljun. 

Il-Ministru Bonnici semma wkoll li matul l-2022 id-Direttorat tar-Restawr ikkonkluda 20 proġett ta’ restawr filwaqt li bħalissa għaddej b’xogħlijiet varji fuq 25 proġett ieħor. Qal li għalhekk fl-2023 se jkunu allokati €3.35 miljun fondi kapitali proprju għal dan il-għan. 

Il-Ministru kompla billi rrefera għall-ħidma ta’ Heritage Malta u x-xogħlijiet ta’ restawr fil-Palazz tal-Gran Mastru fejn qal li x-xogħol miexi b’ritmu tajjeb. Dwar Villa Guardamanga, spjega li tlestew l-istudji neċessarji filwaqt li nħareġ il-permess mill-Awtorità tal-Ippjanar, dan bi preparazzjoni għall-investiment neċessarju sabiex ikun żviluppat il-potenzjal tal-binja u jkun priservat il-valur storiku li jorbot intrinsikament lil pajjiżna mal-familja Rjali tar-Renju Unit. 

Sadanittant, il-Ministru Bonnici ħabbar ukoll li l-Gvern qed jinvesti xejn inqas minn €7 miljun sabiex jitjieb is-servizz tax-Xandir Nazzjonali fejn din is-sena, il-PBS vara għall-ewwel darba stazzjon televiżiv ġdid iddeddikat kollu kemm hu għall-isports.

Bħala parti mill-iskema RESTART, kien hemm ukoll il-Programme Support Scheme. Din l-iskema għandha rwol li ssaħħaħ is-settur kulturali lokali wara l-isfidi tal-pandemija. B’kollox fl-ewwel żewġ sejħiet tal-2022 ibbenefikaw 20 benefiċjarju bi żbors totali ta’ €660,000. L-aħħar żbors għat-tielet sejħa jingħata f’Jannar 2023 għal total ta’ €334,000. 

Il-Ministru Bonnici qal ukoll li l-Gvern se jkompli jgħin lis-soċjetajiet mużikali u l-għaqdiet tal-armar fl-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. “Ser ngħinuhom sabiex ikunu jistgħu jagħmlu restawr tal-armar tradizzjonali li bih ilibbsu l-irħula u l-ibliet tagħna matul il-festi.” 

Għall-ewwel darba, Malta se tieħu sehem fil-London Design Biennale biex isservi ta’ vetrina għas-settur u l-qasam artistiku u kreattiv ta’ pajjiżna filwaqt li l-ħidma għall-parteċipazzjoni ta’ Malta fil-Biennale ta’ Venezia għall-edizzjoni li jmiss tal-2024 se tibqa’ għaddejja. 

Il-Ministru Bonnici semma wkoll l-investiment kulturali li se jkompli għaddej fil-Belt Valletta, b’allokazzjoni ta’ €3.6 miljun għas-sena 2023. Qal ukoll li se jkompli jiġi żviluppat il-Valletta Design Cluster u l-proġetti li jsiru f’din il-binja storika hekk kif se jkomplu jilqgħu membri ġodda, artisti, studenti, intrapriżi żgħar u anke disinjaturi f’diversi oqsma. 

Ma jonqosx il-kontribut ta’ Festivals Malta. Intqal li permezz ta’ kważi €5 miljun, Festivals Malta se tkompli fejn ħalliet is-sena l-oħra u se tibqa’ tipproduċi attivitajiet ta’ kwalità.

Il-Ministru Bonnici kkonkluda billi qal li dan il-Gvern ma waqafx jaħdem fl-interess tal-arti, tal-kultura u tal-protezzjoni tal-wirt nazzjonali tagħna. Tenna li jinsab kunfidenti li se jagħtu futur u jħallu kundizzjonijiet xierqa lil min jaħdem u jħaddem f’dan is-settur. 

Ekonomija

Sport