Tuesday, December 24, 2024

€600,000 għal 11-il proġett ieħor ta’ riċerka mill-Università ta’ Malta

Aqra wkoll

Ħdax-il proġett ieħor ta’ riċerka se jiġu ffinanzjati s-somma globali ta’ €600,000 mill-Università ta’ Malta.  Dan wara evalwazzjoni minn esperti barranin ta’ livell għoli wara li għaddew ukoll minn proċess transparenti.

Waqt li normalment kienu jiġu finanzjati 4 proġetti biss, din is-sena se jiġu ffinanzjati 11-il proġett ieħor u dan wara żieda fil-budget li għadda għal dan il-għan.

Il-Ministru ghall-Edukazzjoni u x-Xogħol Owen Bonnici qal: “jiena ninsab kuntent immens li din is-somma sabiħa se tingħata lill-Università ta’ Malta għall-benefiċċju tal-istudenti tagħna u l-istudji tagħhom. Normalment, il-Kumitat tal-Fondi għar-Riċerka, jirċievi bejn 60 u 100 applikazzjoni għal fondi ta’ proġetti u hija ħasra li 4 proġetti biss jingħataw il-fondi f’sena sħiħa. L-applikazzjonijiet huma mqassma f’erbà kategoriji: Arti, Umanistiċi u Xjenzi Soċjali; ICT, Ambjent Mibni u Inġinerija; Xjenzi tal-Ħajja; u Xjenzi Natuali. Din is-sena qed naraw il-possibiltà biex jingħataw fondi 11-il proġett ieħor.”

“Ninsabu kburin u ħerqana mmens minħabba l-fatt li dawn il-fondi u l-proġetti ser ikomplu jelevaw il-profil tal-Universita’ ta’ Malta fir-riċerka f’diversi oqsma importanti – mill-arti, għall-umanitajiet, ix-xjenzi naturali kif ukoll ix-xjenzi tal-ħajja – u ninsab konvint li dawn kollha ser ikomplu jikkontribwixxu lejn il-kultivazzjoni ta’ kultura ta’ kurżita’, u għatx għall-għarfien”, tenna r-Rettur tal-Universita’ ta’ Malta, il-Professur Alfred J. Vella.

Ir-reċipjenti li se jibbenifikaw minn dawn il-fondi huma;
Dr Adnan Hadziselimovic, li se jinvestiga l-użu tar-Realtà Virtwali biex tiġi introdotta għal vjaġġi diġitali u virtwali, eżempju permess ta’ proġett xjentifiku, simulazzjoni ta’ arkitettura, arti jew prestazzjoni;
Dr Ing. John Charles Betts, li se jinvestiga id-drapp tal-fuħħar Puniku/Ruman misjbu f’ċertu siti f’Malta;
Prof. Ing. Michael A. Saliba, li se jinvestiga l-użu tar-robotika biex tassisti lil anzjani fi djarhom;
Prof. Tonio Sant, li se jottimizza d-disinn ta’ apparat għall-ħżin ta’ windfarms offshore, u li għalih l-Università diġà kisbet privattiva madwar id-dinja;
Prof. Georgios Yannakakis, li se jistudja mill-ġdid it-Tagħlim tal-Magni u l-Intelliġenza Artifiċjali avvanzati b’applikazzjonijiet f’logħob diġitali, filosofija, wirt kulturali u arti;
Prof. Giuseppe di Giovanni, li se jwettaq studju pre-kliniku dwar l-użu ta’ mediċina approvata mill-FDA għall-obeżità, impoġġija mill-ġdid għall-epilepsija;
Dr Stephanie Bezzina Wettinger, li se tipprova tikkonferma żewġ kawżi ġenetiċi li jistgħu jwasslu għal għama bil-għan li jiġu identifikati mediċini ġodda li jikkuraw il-marda;
Dr Ruben Cauchi, li se juża approċċ innovattiv biex jidentifika, u jġib fis-suq, kura għall-marda Motor Neuron Disease (MND) bħal ALS.
Prof. Mauro Pessia, li qed jimmira li juri rabta bejn il-mikrobijota fl-imsaren u l-iżvilupp tal-awtiżmu, bil-għan li tipprevjenti din il-marda;
Prof. Andre Xuereb, li qed jimmira li jiżviluppa sistema għall-iskoperta bikrija ta’ terremoti bl-użu ta’ fibri ottiċi tat-telekomunikazzjoni bejn Malta u Sqallija;
Dr Liana Vella Zarb, li se tinvestiga nanometrjali ġodda li jistgħu jwasslu l-mediċini b’mod preċiż ħafna għall-post meħtieġ fil-ġisem.

Dawn il-ħdax-il proġett se jingħaqdu mal-erbà proġetti l-oħra li diġa bbenifikaw mill-fondi interni.

Ekonomija

Sport