Saturday, December 21, 2024

€700 għall-ewwel vjaġġ u €300 għat-tieni… l-interċetazzjonijiet Libjani qed joħolqu aktar sfruttament

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Fl-aħħar erbat ijiem eżattament  bejn il-21 ta’ Lulju u l-24 ta’ Lulju xejn inqas minn 2,000 immigrant kienu interċettati mill-Gwardji tal-Kosta Libjani. Gwardji tal-Kosta Libjani li qed jingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea u taħriġ minn pajjiżi Ewropew biex jinterċettaw immigranti li jkunu qed jaħarbu mil-Libja għal vjaġġ ta’ tama lejn l-Ewropa. Wara li jkunu interċettati qed jispiċċaw jittieħdu lura fid-detenzjoni.  Xi jfisser dan għall-immigranti, li jerġgħu jispiċċaw fid-detenzjoni?

Titkellem ma’ dan is-sit dwar dan, Tsegeta (qed nibdllu l-isem biex nipproteġu l-identità tagħha), immigranta fi llum tgħix fi Sqallija u li ssegwi mill-qrib il-vjaġġi u l-immigranti li qed jagħmlu dawn il-vjaġġi. Fi kliemha stess, dak li qed isir qed iservi biss biex l-istess immigranti wara jittantaw il-ħarba tagħhom mid-detenzjoni, jew jinħarġu minn hemm minn gruppi li jorganizzaw l-vjaġġi u mbagħad dawn l-istess immigranti jispiċċaw iħallsu għal vjaġġ ieħor, għalkemm it-tieni vjaġġ qed ikun irħas u madwar nofs il-prezz.

“Fl-opinjoni tiegħi l-interċettazzjonijiet qed iwasslu għal aktar flus fil-but ta’ min qed jorganizza l-vjaġġi. Aktar xogħol sfurzat minn għadd ta’ immigranti biex ikollhom flus għat-tieni vjaġġ”. 

Tsegeta tgħidilna li “ma nistax ma nitkellimx fuq dak li qed nara quddiem għajnejja u dak li qed nisma. L-interċetazzjonijiet qed jgħollu l-prezzijiet tal-vjaġġ. Nista’ ngħidlek li l-aħħar immigranti li vvjaġġaw u li ġiethom tajba għax ħalllsu għal vjaġġ wieħed biss għax ma ġewx interċettati, ħallsu 3,800 Dinar Libjan. Jekk taqilbu f’Ewro dan iġib qisu madwar €700. Qisu madwar €100 għola minn kemm kien ikun il-vjaġġ xhur ilu. Ma’ dawn imma hemm ħafna li qed jiġu interċettati lura. Fl-aħħar jiem ġew interċettati mijiet. Qed jissemmew aktar minn 2,000 immigrant li ġew interċettati.  Dawn jittieħdu lura fid-detenzjoni. Il-flus li ħallsu fi vjaġġ li ma rnexxiex ma jerġgħux jingħataw lura. Allavolja xhur jew ġimgħat wara jerġgħu jispiċċaw f’kuntatt ma’ dawk li jkunu organizzawllhom il-vjaġġ u mbagħad jorganizzawhom vjaġġ ieħor”.

Tgħidilna li “qabel jaslu li jorganizzaw vjaġġ ieħor, iridu jagħmu xhur jew ġimgħat fid-detenzjoni. Joħorġu minn hemm b’metodi varji. Jew jitħarrbu minn xi milizzji li mbagħad joħduhom f’idejhom u jġiegħluhom jaħdmu xogħol sfuzat għalihom biex ikollhom flus għat-tieni vjaġġ. Ikun hemm immigranti li litterament jinxtraw minn xi gruppi jew Libjani u jittieħdu biex jaħdmu sakemm ikollhom flus għat-tieni vjaġġ.”

“Minn dak li qed jgħiduli it-tieni vjaġġ u ġieli jkun hemm immigranti li jagħmlu anke it-tielet u r-raba’ vjaġġ għax jiġu interċettati, qed ikun ferm irħas fil-prezz. Qisu nofs prezz tal-ewwel vjaġġ. Immigranti li tkellimt magħhom fl-aħħar jiem, u li rnexxielhom jaslu fl-Ewropa wara li għamlu it-tieni vjaġġ għax l-ewwel wieħed kien interċettat, spiċċaw ħallsu 1,700 Dinar Libjan.  Dan jammont għall €300”. 

Hemm immigranti li ittantaw jaqsmu erba’ darbiet u għad ma rnexxielhom 

Tsegeta tgħidilna li “naf persuni li ħafna minnhom għadhom żgħażagħ li ppruvaw jaqsmu erba’ darbiet u dejjem jiġu interċettati. Nemmen u dan qed ngħidu b’responsabbiltà li biex iseħħ dan jien konvinta moralment li jista’ jkun hemm xi forma ta’  kuntatt mill-qrib bejn gruppi li jorganizzaw il-vjaġġi u xi gruppi qrib il-Gwardji tal-Kosta Libjani.  L-interċettazzjonijiet mhu qed jagħmlu xejn ħlief li jwasslu biex il-gruppi li jorganizzaw dawn il-vjaġġi, li huma komposti min Libjani imma anke persuni Afrikani oħra stabbiliti sew fil-Libja, jispiċċaw idaħħlu aktar flus.  Flok qed isir vjaġġ wieħed, ħafna immigranti qed ikollhom jagħmlu diversi vjaġġi biex forsi jaslu fl-Ewropa. Din hi inġustizzja kbir. Dan sfruttament. Nemmen li l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi Ewropej, fosthom l-Italja għandhom jaraw dan li qed isir. Kull ma jridu jagħmlu hu li jitkellmu mal-immigranti li jkunu għadhom kif ġew salvati biex jindunaw bl-isfruttament li għaddew kawża tal-interċettazzjonijiet”. 

B’50 Dinar… teħles lilek innifsek mill-ħabs

Nistaqsuha jekk hux faċli daqstant li taħrab mid-detenzjoni fil-Libjan. Twieġeb b’daħka u tgħidilna li “nifhem li dak li jkun jaraha diffiċli taħrab minn ħabs jew detenzjoni. Fil-Libja mhux daqstant diffiċli. Jgħink tagħmilha. Ikollok persuni li jtuk telefon biex iċċempel lil qraba lura f’pajjiżek ħa jibagħtu il-flus. Dawn jibagħtuhom għand persuna Libjana jew xi ħadd ieħor li jkunu jafu. Dan imbagħad jgħaddihom lil gwadji u l-persuna tinħeles. Qed nitkellmu fuq ħlas ta’ 300 Dinar Libjan, li bejn wieħed u ieħor jiġu madwar €50.  B’dan dak li jkun jakkwista l-ħelsien mid-detenzjoni. Jaf ikun ifisser ġimgħat jew xhur ta’ xogħol sfurzat ma’ xi nies oħra sakemm imbagħad ikollu flus għall-vjaġġ li jmiss. Jekk ikollu ix-xorta ħażina li jkun interċettat fil-vjaġġ, dan il-proċess jerġa’ jsir mill-bidu u ċ-ċirku jerġa’ jibda mill-bidu”, tgħidilna Tsegeta. 

Ekonomija

Sport