Saturday, April 27, 2024

€8,000 talli tajjar u qatel sewwieq ta’ mutur

Aqra wkoll

Imħallef warrbet appell ta’ żagħżugħ ta’ 25 sena li kien immultat €8,000 u kellu l-liċenzja tas-sewqan sospiża għal tliet snin talli tajjar u qatel sewwieq ta’ mutur f’Ħal Far.

L-akkużat kien instab ħati li fl-20 ta’ Settembru 2016, fi Triq Ħal Far f’Birżebbuġa, ikkaġuna l-mewt ta’ Emanuel Mangion miż-Żurrieq b’sewqan traskurat.

Meta seħħ l-inċident huwa kien qed isuq Opel Tigra fi triqtu lejn l-Akkademja tal-Pulizija f’Ta’ Kandja, fejn kien rekluta, waqt li Mangion kien għaddej b’mutur mid-direzzjoni opposta.

Ir-raġel baqa’ jiċħad li ipprova jaqbeż il-vann ta’ quddiemu u sostna li dan waqaflu f’daqqa u għalkemm żamm brejk il-karozza tkaxkret fuq in-naħa opposta u sab lill-mutur ġej b’veloċità eċċessiva li baqa’ dieħel fih.

Madankollu l-Imħallef Edwina Grima, li semgħet l-appell tiegħu, ma emmnitx din il-verżjoni u rrimarkat li mill-provi li tressqu ma nstabu ebda sinjali ta’ marki tat-tajers.

Hija sostniet li għalkemm ma kienx stabbilit b’liema veloċità kien qed isuq Bonnici żgur li din kienet elevata tant li fi ftit sekondi laħaq il-vann ta’ quddiem li kien madwar seba’ karozzi bogħod.

Dwar l-ilment għall-ammont ta’ multa hija qalet li ma setgħetx tinjora li dan il-każ ħalla persuna mejta waqt li semmiet ukoll kif bħala rekluta tal-Pulizja messu kellu jara iktar li jsegwi r-regolamenti tat-traffiku.

Kien għalhekk li ċaħdet l-appell li ressaq Bonnici dwar dan il-każ li kien investigat mill-Ispettur Nikolai Sant.

Sport