Friday, April 19, 2024

L-MFA ordnata tagħti €46,800 lil eks-impjegata

Aqra wkoll

L-Imħallef Lawrence Mintoff warrab l-appell li sarlu mill-Malta Football Association (MFA) fuq tkeċċija ta’ impjega u ordnalha tagħtiha €46,800 bħala kumpens.

Pauline Basile Pace ressqet il-każ tagħha quddiem it-Tribunal Industrijali wara li fit-3 ta’ Jannar 2014 kienet infurmata li tkeċċiet mil-Legal and Football Governance Department fejn kienet taħdem.

L-MFA sostniet li hija keċċietha minħabba assentejiżmu kontinwu u mhux awtorizzat minn fuq il-post tax-xogħol madankollu Basile Pace baqgħet tinsisti li din ma kinitx il-vera raġuni.

Quddiem it-Tribunal Industrijali kien irriżulta li r-raġuni primarja għat-tkeċċija kienet in-nuqqas ta’ fiduċja li kellu fiha dak li kien il-President tal-MFA Norman Darmanin Demajo u li kienet ġejja mill-fatt li hija kienet ilha taħdem bħala assistenta personali tal-predeċessur tiegħu Dr Joe Mifsud.

“Mill-provi rriżulta li Darmanin Demajo ma kellux fiduċja fiha tant li huwa stess xehed li ma kienx jafdaha, qajla kien jgħaddilha xogħol u minn rwol ta’ ħafna responsabbilta u impenn ġiet relagata għal rowl fejn ix-xogħol ewlieni tagħha kien li tiffajlja l-karti”, irrimarka l-Imħallef Mintoff.

Huwa żied li jirriżulta li fix-xogħol tagħha qatt ma ffaċċjat passi dixxiplinarji jew ingħatat xi tip ta’ twissija waqt li kien hemm kollegi li bdew jagħtuha l-ġenb. 

Kien għalhekk li l-Imħallef Mintoff ikkonferma d-deċiżjoni tat-Tribunal Industrijali li sab lill-MFA ħatja ta’ tkeċċija inġusta u ordnalha tagħti lil Basile Pace l-imsemmi kumpens.

Sport