Sunday, November 10, 2024

EasyJet se tnaqqas is-seats u topera titjiriet b’ekwipaġġ iżgħar

Aqra wkoll

Il-linja tal-ajru EasyJet qed tippjana li tneħħi numru ta’ seats fuq xi wħud mill-ajruplani tagħha dan is-sajf, sabiex tkun tista’ topera titjiriet b’inqas ekwipaġġ tal-kabina. Il-linja tal-ajru qed tiffaċċja nuqqas ta’ staff hekk kif qed tipprova tirritorna lura għal-livelli ta’ servizz ta’ qabel il-pandemija.

EasyJet qalet li se tkun tista’ ttir bi tliet ekwipaġġi tal-kabina minflok b’erbgħa. Dan jillimita n-numru abbord għal massimu ta’ 150 passiġġier. EasyJet qalet li dan kien mod effettiv kif topera l-flotta filwaqt li tibni reżiljenza u flessibilità addizzjonali fl-operat tal-linja tal-ajru.

Madankollu, it-titjiriet xorta jissodisfaw ir-regolamenti tal-Awtorità tal-Avjazzjoni Ċivili (CAA) dwar in-numru meħtieġ ta’ ekwipaġġ tal-kabina, li huwa bbażat fuq in-numru ta’ seats, aktar milli passiġġieri abbord.

Il-linji tal-ajru u l-ajruporti fir-Renju Unit ilhom jissieltu man-nuqqas ta’ ħaddiema mill-Għid, hekk kif id-domanda għall-ivvjaġġar reġgħet telgħet wara li tneħħew ir-restrizzjonijiet tal-pandemija li kien fadal fuq l-ivvjaġġar fir-Renju Unit.

EasyJet u l-BA kienu mġiegħla jaqtgħu mijiet ta’ titjiriet ix-xahar li għadda hekk kif il-livelli tal-varjant tal-virus żdiedu u żammew lil ħafna mill-istaff barra mix-xogħol u għamluha wkoll diffiċli biex jinżammu skedi sħaħ.

Bosta linji tal-ajru, inkluż EasyJet, qed jimpjegaw ekwipaġġi ġodda tal-kabina biex jissostitwixxu lil dawk li ngħataw is-sensja matul il-pandemija. Iżda l-esperti qed ibassru li d-diffikultajiet fir-rigward tal-ekwipaġġi se jkomplu sa 12-il xahar.

Sadattant EasyJet qalet li l-iskema li tillimita n-numri tal-passiġġieri fuq l-A319 se tippermettilha topera b’aktar ċertezza. Il-bidla fil-kapaċità kienet żgħira ħafna bħala proporzjon tan-numri ġenerali tal-passiġġieri tal-istaġun tas-sajf.

EasyJet kienet ħarset lejn firxa ta’ miżuri biex issaħħaħ ir-reżiljenza operattiva tagħha. Minbarra l-iskema biex jitneħħew numru ta’ seats, il-kumpanija se tpoġġi wkoll aktar riżorsi biex tipproċessa l-akkreditazzjoni ta’ staff ġdid.

Sadanittant, EasyJet qed tistenna li tkun qrib il-livelli tat-titjiriet tal-2019 dan is-sajf. Qabel ma feġġet il-pandemija, il-linja tal-ajru ġarret kważi 300,000 passiġġier kuljum matul l-aqwa staġun.

Matul l-aqwa tal-ivvjaġġar tal-Għid il-passiġġieri ffaċċjaw kjuwijiet twal fl-ajruporti Ingliżi, fosthom tfixkil serju fl-Ajruport ta’ Manchester li wassal għar-riżenja tad-direttur maniġerjali, Karen Smart.

Id-dewmien biex tinkiseb l-approvazzjoni tas-sigurtà għal ekwipaġġ ġdid tal-linji tal-ajru fisser li r-rekluti ma setgħux jibdew it-taħriġ tagħhom immedjatament. Fid-dawl ta’ dan, is-Segretarju tat-Trasport, Grant Shapps, reċentement qal lill-Kumitat tat-Trasport tal-parlament li l-Gvern se jippermetti li l-ajruporti jibdew iħarrġu l-istaff mingħajr awtorizzazzjoni tas-sigurtà.

Sport