Hekk kif is-sitwazzjoni fiċ-Ċina dwar il-Covid-19 jidher li hija xi ftit jew wisq tat-tħassib, Malta m’għandha l-ebda pjani biex idaħħal miżuri fuq passiġġieri li jkunu ġejjin miċ-Ċina.
L-awtoritajiet tas-Saħħa Maltin qalu li qed jaraw is-sitwazzjoni mill-qrib ħafna u qegħdin f’kuntatt dirett mal-Kummissjoni Ewropea kif ukoll ma’ ECDE biex jaraw jekk hemmx bżonn azzjoni dwar dak li qed jiġri.
Kelliem għal Gvern qal li fil-preżent il-Kunsill tas-Sigurtà dwar is-Saħħa Ewropea mhux qed jirrakomanda li siru testijiet fuq persuni li jkunu ġejjin miċ-Ċina.
Intant uffiċjali Ċiniżi għandhom jgħaddu aktar informazzjoni “real-time” dwar is-sitwazzjoni tal-Covid hekk kif fl-aħħar jiem kien hemm żieda qawwija ta’ persuni nfettati.
Dan intqal mill-Għaqda Dinjija tas-Saħħa fejn sostniet li bil-mod il-mod kull pajjiż neħħa r-restrizzjonijiet kollha li kienu marbuta mal-Covid-19, iżda minħabba żieda qawwija ta’ persuni nfettati, issa ħafna pajjiżi qed jitolbu lil kull Ċiniż biex jidħol pajjiżhom jippreżenta ċertifikat negattiv.
L-Għaqda Dinjija tas-Saħħa qegħdin tgħid li ċ-Ċina għandha tgħaddi aktar informazzjoni dwar persuni li ġew pożittivi, dawk li jinsab l-isptar, persuni li jinsabu taħt kura inensiva u anke dawk li tilfu ħajjithom minħabba dan il-vajrus.
Fl-aħħar jiem, l-Istati Uniti, Spanja, Franza, il-Kores t’Isfel, l-Indja, l-Italja, il-Ġappun u t-Taiwan kollha reġgħu daħlu miżuri biex jikkontrollaw li l-Covid-19 terġa’ tinfirex. Dawn il-pajjiżi qegħdin jitolbu biex kull passiġġier li jasal miċ-Ċina għandu jippreżenta riżultat negattiv.
Min-naħa l-oħra l-Ingilterra daħlet miżura li kull passiġġier li jkun se jivjaġġa lejn il-pajjiż miċ-Ċina qabel jitħalla jitla’ fuq l-ajruplan għandu jippreżenta ċertifikat negattiv.
Nhar it-Tlieta li ġej se jkun qiegħed jiltaqa’ l-kumitat tekniku dwar il-Covid-19 tal-Għaqda Dinjija tas-Saħħa biex jevalwa s-sitwazzjoni preżenti.
Il-Gvern Ċiniż qed jirrapporta li qed ikollu madwar 5,000 każ ġdid kuljum, iżda analisti qalu li dan in-numru hu ferm baxx mir-realtà. Fil-fatt huma qed jaħsbu li fiċ-Ċina qed ikun hemm qrib miljun każ kuljum ġdid tal-Covid-19.