Monday, November 11, 2024

EBDA RELAZZJONI BEJN L-AGGRESSUR U L-VITTMA

Tibda tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Jeremie Camilleri mixli bil-qtil ta' Pelin Kaya

Aqra wkoll

Quddiem il-Maġistrat Rachel Montebello bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra Jeremie Camilleri ta’ 33 sena li qed jiġi mixli bil-qtil tat-Torka Pelin Kaya fit-18 ta’ Jannar li għadda.

12:00 p.m: Beda jixhed l-Ispettur Kurt Zahra…

Beda jixhed l-Ispettur Kurt Zahra stazzjonat l-Iskwadra kontra l-Omiċidji u qal li nhar it-18 ta’ Jannar għall-ħabta tas-1.40 a.m. ġie infurmat mill-control room li ġewwa Triq Testaferrata fil-Gżira kien hemm vettura li saqet għal fuq l-istabbiliment KFC, u konsegwenza ta’ dak li ġara kien hemm mara li kienet ittajret. Huwa qal ukoll li kien infurmat ukoll li din il-mara kienet f’peiklu immienti li titlef ħajitha. 

Huwa żied jgħid li kien infurmat li l-każ ġara għall-ħabta tas-1.05 a.m. u li s-sewwieq eżatt kif ħabat fil-KFC u tajjar lil din il-mara ħareġ mill-vetura u beda jgara xi ġebel lil nies fil-madwar u l-istess mara li kien tajjar. Kompla biex jixhed swar l-informazzjoni li kompliet tidħol wara dik inizzjali kif semma qabel u qal li kien ġie infurmat ukoll li kien hemm ambulanza fuq il-post għalkemm kienet sitwazzjoni ċara li l-vittma kienet fil-periklu li titlef ħajjitha.

12:10 p.m: Is-sieħeb tagħha ikkonferma li l-identità tal-vittma…

Zahra kompla biex jixhed li hu mar fuq il-post u kkonferma li t-triq kienet ingħalqet għat-traffiku u li x-xena kienet qiegħda tiġi priservata. Innota li fuq il-post kien hemm BMW X6 sewda, li kellha l-parti ta’ quddiem imdaħħla fl-istabbiliment KFC.

Xehed li kien hemm traċċi ta’ tifrik minn fejn għaddiet il-karozza u qalb dan it-tifrik kien hemm ukoll slippers bojod li kienu tal-vittma. Sussegwentement il-vittma ġiet identifikata permezz tas-sieħeb tagħha. Kompla biex jgħid li s-sieħeb tagħha kien wasal f’Malta ftit tas-sigħat qabel l-inċident biex jiltaqa’ magħha minħabba għeluq sninha. Meta kien fi tiqtu biex jiltaqa’ magħha iltaqa’ mal-uffiċjali u li meta beda jitkellem mal-pulizija fuq il-post qalilhom li ma kinitx qed taqbad il-mobile. Talbuh iċemplilha u beda jdoqq il-mobile li nstab fuq il-bankina u s-suspett żdied li dik kienet l-istess persuna li kien qiegħed jipprova jaqbad. 

12:20 p.m: Identifikati numru ta’ xhieda…

L-Ispettur qal ukoll li ġew identikati numru ta’ xhieda fosthom raġel li kien se jagħti l-petrol lill-vettura tiegħu meta f’daqqa waħda ra persuna ġejja u baqa’ dieħel fil-KFC. Dan ix-xhud qal li ma ndunax li kienet ittajret persuna. Qal ukoll li kif daħal fil-KFC ħareġ mill-vettura u mar għal fuqu jipprova jaggredih u saħansitra prova joħorġu mill-vettura. Minkejja li rreaġixxa u rriversja l-vettura tiegħu, l-akkużat xorta rnexxielu jagħmillu xi ħsara.

Ġie identifikat raġel ieħor li ra l-inċident iseħħ quddiemu. Ra lis-sewwieq ħiereġ mill-vettura u beda jaggredixxi lin-nies. L-aggressur, li aktar tard ġie identifikat bħala Jeremie, aggredixxa lilu wkoll. Dan ix-xhud qal li kien storda imma rnexxielu jqum, daħal fil-ħanut u għalaq ix-shutter.

Ġiet mitkellma wkoll mara, li qalgħet daqqa fuq rasha allegatament mill-imputat. L-Ispettur ikkonferma li dawn ix-xhieda flimkien ma’ oħrajn qegħdin fl-inkjesta maġisterjali

L-Ispettur kompla jixhed li hemm anke filmati tas-CCTVs fejn l-imputat jidher jiġbor ġebel mill-art u jixħethom lejn Pelin li kienet wiċċha ’l isfel fl-art. Ix-xhieda qalu wkoll li l-imputat beda joffendihom u nstema’ jgħid wkoll “Watch me fight the police”. L-Ispettur qal ukoll li meta waslu l-pulizija, l-imputat ma mexiex mal-ordnijiet u għaldaqstant kellhom jużaw it-taser gun fuqu. 

12:40 p.m: Analiżi tas-CCTVs

Dwar il-filmati tas-CCTVs l-Ispettur qal li nġabru minn KFC u mill-pompa ta’ Paul and Rocco. Beda biex jixhed dwar dak li setgħu jinnutaw fl-ewwel filmati li bdew janalizzaw ftit sigħat wara l-każ. Innutaw li għall-ħabta tas-1:05 a.m dehret tinstaq b’veloċità moderata minn Triq Testaferrata direzzjoni lejn Triq l-Imsida. Il-vittma kienet ġejja minn Triq l-Imsida. Il-vittma kienet miexja fuq il-bankina u ma setgħetx tara lil Camilleri li kien ġej minn warajha. Fil-filmat il-vettura tidher tibdel id-direzzjoni għal fuq Pelin li spiċċat ittajret għal quddiem l-istabbiliment tal-KFC. Jidher ukoll l-imputat nieżel mill-vettura u jaqsam għan-naħa l-oħra tat-triq fejn beda jagredixxi xi nies. Kien hemm persuna li provat tirreżistih u tefgħet lill-imputat mal-art iżda dan qam u reġa’ qasam u beda jgara ġebel lejn it-tfajla li kienet mal-art mitlufa minn sensiha.

Il-Pulizija kompliet bl-investigazzjonijiet tagħha u marret fejn joqgħod Jeremie Camilleri f’Ħal Lija u minn filmati oħrajn miġbura rriżulta li hu telaq mid-dar madwar 10 minuti qabel l-inċident. Barra minn hekk, fit-triq huwa nqabad minn speed camera f’Birkirkara jsuq b’veloċità ta’ madwar 75 Km/hr.

12:50 p.m: Kellu xi jgħid mal-eks sieħba u bagħat jgħidilha li se jkun popolari sa filgħodu

L-Ispettur kompla biex jixhed li meta kien qed jiġi invistat fl-emerġenza beda jagħmel ċertu dikjarazzjonijiet fejn fost affarijiet oħra beda beda jgħid li ‘he wanted to hurt someone’. Lit-tabib li kien qiegħed jinvistah, l-imputat staqsih x’kienet l-agħar ħaġa li qatt kienet ġrat u li ried jagħmel xi ħaġa li jkun popolari għaliha. Qal ukoll li kellu xi jgħid mal-eks partner tiegħu. F’nofsillejl u ħames minuti Jeremie bagħatilha recording lill-eks sieħba iżda ħassru minnufih. Fost affarijiet oħrajn huwa qalilha li kien piskopatiku, kburi li hu kriminal u li sa filgħodu kellu jkun poplarai anke fuq l-aħbarijiet.

1:10 p.m: L-ebda relazzjoni bejn l-aggressur u l-vittma

L-Ispettur kompla jixhed dwar l-investigazzjoni li saret biex jara jekk hemmx xi relazzjoni bejn l-aggressur u l-vittma. Ġew mitkellma bosta ħbieb tal-vittma fejn l-Ispettur ikkonferma li Kaya kienet qiegħda tiċċelebra għeluq sninha ma’ sħabha. Ħabiba tal-vittma kienet qaltlu li Pelin ma kinitx tafu lill-imputat. Apparti dawk qrib tagħha, iċċekkjaw il-mobiles u ma rriżultax li kien hemm xi tip ta’ skambju bejn il-vittma u l-aggressur.  Mis-CCTVs stess irriżulta li huma kienu ġejjin minn direzzjonijiet opposti.

Xehed ukoll kif uffiċjali mill-iskwadra ta’ kontra l-omiċidju marru ma’ Jeremie biex issir tfittxija fid-dar tiegħu fejn hemm instab il-mobile tiegħu.  Qal li l-imputat beda jgħid lin-nies “watch me fight the police”. Kompla biex jixhed li l-pulizija tat struzzjonijiet biex jinżel għarkupptejh, iżda għamel ġesti b’idejh li kien lest jiġġildilhom. Qal li rawh ġej għal fuqhom il-pulizija u kellhom ifaqqgħulu t-taser gun. 

1:25 p.m: Kuntistabbli jinfaqa’ jibki u l-istess il-qraba

Il-Kuntistabbli emozzjona ruħu fuq il-pedana tax-xhieda u anke beda jibki. “kien hemm tal-ambulanza provaw kemm setgħu imma mid-dehra kienet diġa’ ħallietna … Lilna beda jheddidna”. Jaraw lix-xhud daqshekk emozzjonat, il-qraba ta’ Pelin ukoll bdew jibku. Ix-xhud ikkonferma wkoll li Jeremie beda jheddihom kontinwament u li beda jiftaħar li qatel persuna.

Xehed ukoll il-Kuntistabbli ieħor involut fl-arrest tal-imputat. Qal li huwa kien tah l-ordni biex jinżel għarkupptejh iżda għamlilhom sinjal li se jiġġildilhom. Xehed li kellu juża taser gun biex seta’ jsir l-arrest. Qal li malli l-kollega tiiegħu għamillu l-manetti, infurmah li kien jinsab taħt arrest. L-imputat, min-naħa tiegħu qalilhom li kien hu li saq il-BMW u li ħabat ġol-KFC. Żied jikkonferma dak li qalu ix-xhieda ta’ qablu u li l-imputat beda jinsisti li jrid isir famuż. Meta mistoqsi jekk kienx taħt xi sustanzi, l-imputat qal li kien ħa l-kokaina u l-ħaxixa. 

Il-kawża mistennija tkompli Fid-9 ta’ Frar.

Sport