Il-laqgħa li kien hemm fl-aħħar jiem fl-Unjoni Ewropea dwar is-sitwazzjoni fl-Afganistan, kif mistenni ma’ offriet ebda soluzzjoni għal eluf kbar ta’ Afgani li jinsabu lesti li jaħarbu mill-Afganistan.
Sorsi qrib din il-laqgħa meta kkummentaw ma’ dan is-sit qalulna li “sfortunatament il-ministri tal-Unjoni Ewropea qablu biss li jgħinu lil persuni mill-Afganistan li kienu qed jaħdmu u jassisitu missjonijiet ta’ pajjiżi tal-Unjoni Ewropea fl-Afganistan. Mhux biss imma huma qablu ukoll li jgħinu u jaċċettaw lil dawk li kienu nħarġu mill-Afganistan qabel ingħalaq l-ajruport ta’ Kabul, hekk kif it-Taliban daħlu fil-belt”.
L-istess sors qalilna li “din ma turi xejn ħlief inumanità mill-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Intlaħaq kompromess imma dan jinvolvi biss lil dawk l-Afgani li ħadmu għal pajjiżi Ewropej. Hemm eluf kbar oħra li jridu jitilqu. Dawn spiċċaw se jitħallew waħdihom f’dan il-pajjiż fejn mhux se jkollhom triq oħra għajr dik li jippuvaw jaħarbu f’pajjiżi ġirien bħall-Pakistan u minn hemm jittantaw il-vjaġġ lejn l-Ewropa, fejn id-direzzjoni aktarx tkun it-triq lejn it-Turkija”.
L-istess sors qalilna li “fid-diskussjonijiet li saru bejn il-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar jiem ġie diskuss b’mod dettaljat ħafna u kien hemm qbil dwaru li l-persuni Afgani li jridu jaħarbu għandhom jingħataw l-għajnuna f’pajjiżi ġirien flok japplikaw għall-ażil biex jidħlu fl-Unjoni Ewropea.”
Il-‘visas umanitarji’ ma jissemmew imkien… rilokazzjoni lejn l-UE għal dawk biss li ħadmu mal-pajjiżi Ewropej
L-istess sors qalilna li “jidher li fil-laqgħa, l-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea qed iwarrbu għal kollox l-idea li kienet issemmiet li jinħarġu visas umanitarji għal refuġjati Afgani. Din jidher li qed tiġi skartata minkejja li lejn nofs Awwissu, proposta simili kienet ġiet imsemmija mill-President tal-Kummissjoni Ewropea, von der Leyen.”
L-istess sorsi qalulna li “fejn tidħol ir-rilokazzjoni, ma kien hemm ebda ċaqlieqa għal dawk l-eluf ta’ Afgani li ma ħadmux mal-pajjiżi Ewropej. Minn dak preżentat wara din il-laqgħa u li dan jirrifletti dak diskuss u li kien hemm qbil dwaru, jidher li r-rilokazzjoni se tkun qed tiġi limitata biss għal dawk il-persuni Afgani u l-familjari tagħhom li ħadmu għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea. Mhux biss imma dawk li se jibbenefikaw mir-rilokazzjoni iridu jkunu persuni li kienu evakwati mill-ajruport ta’ Kabul qabel dan ingħalaq minħabba li t-Taliban daħlu fil-belt. Dan ifisser li għandek eluf ta’ nies bħal gruppi vulnerabbli, attivisti dwar id-drittijiet umani, nisa li kienu jaħdmu f’oqsma professjonali u oħrajn li biex forsi jingħataw f’kenn f’xi pajjiżi irid japplikaw għall-ażil minn pajjiżi li jinsabu viċin l-Afganistan.
Ma kien stabbilit l-ebda numru ta’ kemm se jkunu rilokati
L-istess sors qalilna li fuq ir-rilokazzjoni ma kien hemm qbil fuq l-ebda ammonti ta’ kemm se jkunu rilokati. Jidher ukoll li ma ġew stabbiliti l-ebda miri ta’ kemm għandhom ikunu rilokati. Kollox jidher li l-Iżvezja qiegħda timbotta biex ikun hemm rilokazzjoni ta’ refuġjati Afgani. Wieħed ma jridx jinsa li l-Iżvezja hi wieħed mill-pajjiżi li l-aktar li qed tirċievi refuġjati”.
Il-President tal-Parlament Ewropew jikkritika l-laqgħa tal-Ministri Ewropej
Dak diskuss fil-laqgħa tal-Ministri tal-Intern tal-Unjoni Ewropea, ġab reazzjoni negattiva mill-President tal-Parlament Ewropew. Hu qal li “ma nistgħux nippretendu li l-Afganistan m’għandniex x’naqsmu miegħu. Dan għax l-Unjoni Ewropea ipparteċipat f’dik il-missjoni”. Hu ddikjara li l-Unjoni Ewropea m’għandhiex tibqa’ tfarfar ir-responsabbilità.
Jisħaq li “l-Ewropa hemm bżonn li titkellem b’vuċi waħda fejn jidħol il-qasam tas-sigurtà u tal-affarijiet barranin”. Hu qal li “ninsabu diżappuntati bil-konklużjonijiet li ħarġet bihom il-laqgħa tal-Ministri tal-Intern”, waqt li qal li kien hemm pajjiżi minn barra l-Unjoni Ewropea li diġa kkommettew ruħhom li jieħdu refuġjati Afgani.