Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet ta’ etá żgħira meta kelli biss erba’ snin. Il-familja tiegħi huma appassjonati kbar tal-futbol u niftakarni minn etá żgħira dejjem fl-Istadium Nazzjonali ta’ Ta Qali naraw lil Valletta FC jilagħbu. Peró, verament nibdet l-imħabba lejn il-futbol minħabba n-nannu Charlie Cristiano, Alla jaħfirlu, li kien plejer, kowċ u ossessjonat bil-futbol. Infatti għadni niftakar qisu lbieraħ meta kien joqgħod jurini s- sessjonijiet ta’ taħriġ tal-AC Milan, it-tim favorit tagħna, li kien jirrekordja fuq il-casettes. Minħabba fih, infatti, spiċċajt inħobb ħafna l-futbol speċjalment wara li miet għax b’hekk inħossni għadni konness miegħu avolja ħalliena meta kelli biss disa’ snin.
Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Pembroke Athleta FC?
Eċċitat, motivat u determinat ħafna għal din l-esperjenza l-ġdida ma’ tim ġdid li dejjem kelli ammirazzjoni lejh. Meta rajt li kien hemm interess b’saħħtu għalija min-naħa ta’ dan il-klabb u rajt l-ambizzjonijiet u l-valuri tal-klabb mal-ewwel ħassejt il-ġibda li naċċetta li nilgħab għal Pembroke Athleta FC
Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej?
Qed inħarsu lejn dan l-istagun minn lenti pożittiva għaliex l-iskwadra hija b’saħħitha u ta’ kwalitá peró aktar importanti minn hekk hemm ambjent u atmosfera sabiħa ta’ grupp magħqud ħafna u determinazzjoni li kulħadd irid jaħdem id f’id biex ngħinu lill-klabb jikseb riżultati aħjar mis-snin riċenti.
X’tikkummenta fuq il-kowċ, Jeffrey Mifsud?
Il-kowċ Jeffrey Mifsud huwa kowċ kwalifikat, kariżmatiku u ta’ esperjenza kbira fil-futbol Malti, li apparti li huwa kowċ tajjeb u ppreparat ħafna, huwa kowċ umli u jaf ħafna kif għandu jikkomunika mal-plejers tiegħu minn aspett uman, mhux biss bħala tim peró anke individwalment. Din hija kwalitá importanti ħafna biex iżżomm t-tim magħqud, motivat u biex toħroġ il-potenzjal tal-plejers aħjar.
X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Mellieħa SC, u kemm tgħallimt minnha?
Avolja r-riżultati fl-aħħar żewġ staġuni ma kinux dawk li xtaqna u ħdimna għalihom, xorta waħda ma jiddispjaċini xejn mill-esperjenza li kelli ma Mellieħa SC. Kellna l-ewwel staġun li beda b’mod turbulenti, anke b’tibdil tal-kowċ darbtejn, li peró spiċċa fuq nota pożittiva ħafna li tana ħafna entużjażmu u tama kbira għall-istaġun ta’ wara. Sfortunatament, peró l-istaġun ta’ wara kien xorta waħda naqra deludenti mill-aspett ta’ punti u pożizzjoni fil-klassifika tal-kampjonat. Min-naħa l-oħra minn meta ngħaqadt ma’ Mellieħa SC ġejt milqugħ b’mod sabiħ ħafna minn kulħadd kemm mill-plejers, kumitat, staff u l-komunitá tal-Mellieħa. Sibt ambjent sabiħ ta’ familja magħquda fejn ħloqt konnessjonijiet ta’ ħbiberija u rispett ma’ ħafna nies li sal-aħħar ġurnata kienet verament diffiċli biex ngħidilhom li kont se nagħmel bidla wara li ma kienx intlaħaq ftehim mal-klabb li offra li jġeddidli l-kuntratt għal sentejn oħra. Mellieħa SC hija esperjenza, nies u komunitá li nibqa’ nġorr ġo qalbi.
X’tikkummenta fuq il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?
Ngħidlek il-veritá ma tantx insegwi l-futbol Malti apparti l-kampjonat li nkun qiegħed nilgħab fih jien. Nemmen li l-livell taċ-Challenge League u tal-Amateur League għola ħafna f’dawn l-aħħar sentejn minħabba l-fatt ukoll li ħafna plejers niżlu mill-Malta Premier minħabba n-nuqqas ta’ spazju għall-Maltin u n-numru kbir ta’ plejers barranin fil-Kampjonat Malti.
Bħala plejer tal-futbol l-ambizzjoni tiegħi dejjem tibqa’ dik li nilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti jew inkella barra minn xtutna, u avolja dik il-ħolma tibqa’ hemm sal-ġurnata li nieqaf mill-futbol, sfortunatament ma jiddependix biss minn kemm taf iżda lil min taf, u jekk tkunx fil-post it-tajjeb fil-ħin it-tajjeb biex tiġik din l-opportunitá.
Nemmen li bħala pajjiż b’popolazzjoni żgħira għandna aktar u aktar ninvestu fit-talent Malti u nieħdu ħsieb il-plejers żghar Maltin u nagħtuhom l-opportunitajiet li ħaqqhom biex jikbru, jiżbaljaw, jitgħallmu mill-iżbalji u jġibu l-esperjenza li għandhom bżonn minflok nużawhom biss għall-bżonn. B’frott ta’ hekk nemmen li b’aktar opportunitajiet u paċenzja mal-plejers Maltin jista’ wkoll ikollna tim nazzjonali aktar b’saħħtu b’talent Malti.
U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Nemmen li bħala grawnd tat-taħriġ, il-klabb ta’ Pembroke Athleta għamel investiment b’saħħtu biex jagħtina grawnd ta’ kwalitá tajba, peró min-naħa l-oħra nemmen li ħafna mill-grawnds li jintużaw għal-logħob kompetittiv mhumhiex ta’ livell. Infatti nemmen li minħabba l-ħafna tibdil fil-grawnds u l-livell ta’ dawn il-grawnds qiegħed ikun hemm ħafna aktar injuries miż- żminijiet ta’ qabel. Issib grawnds ta’ dimensjonijiet differenti, ħofor, tumbati, ħafna rubber, ftit rubber, iżommu l-ilma eċċ. M’hemmx konsistenza sfortunatament. Fl-opinioni tiegħi l-akbar problema rigward il-grawnds li jintużaw għal-logħob u t-taħriġ hija li sfortunatament wara li jsir investiment fihom ma ssir manutenzjoni ta’ xejn jew ftit li xejn u nispiċċaw fejn konna. Minflok nieħdu ħsieb l-investiment li jkun sar, inħalluh jeħżien sal-punt fejn ikun hemm bżonn investiment kbir ieħor biex jitranġa kollox u b’hekk jispiċċa jbati kulħadd, kemm il-plejers u anke l-klabbs.
Kif qed tħares lejn il-futur aktar imbiegħed tiegħek fil-futbol?
Kif għidt l-ewwel, il-ħolma u l-ambizzjoni tiegħi dejjem tibqa’ li nikber bħala plejer u nilgħab fl-ogħla diviżjoni tal-futbol Malti jew inkella barra minn xtutna. Fl-istess ħin l-akbar ambizzjoni tiegħi hija li nagħmel dak li verament jagħmilni kuntent, li huwa l-futbol, u li nagħmlu f’atmosfera u f’ambjent fejn inħossni maħbub u rispettat biex b’hekk inkun nista’ noħroġ il-kwalitajiet u nilħaq il-potenzjal kollu tiegħi. L-għan tiegħi jibqa’ li ngħin lill-plejers tat-tim tiegħi peró wkoll li nibqa’ nitgħallem mill-plejers, kowċis u coaching staff li jkolli madwari. Persuna taf kemm taf qatt ma taf kollox u qatt ma taf biżżejjed u sakemm nibqa’ nilgħab kif ukoll fil-ħajja personali tiegħi barra mill-futbol dejjem lest nibqa’ umli biex nitgħallem u nikber kemm bħala plejer peró wisq aktar bħala persuna b’valuri importanti li dejjem trabbejt fihom.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
Il-futbol huwa sport sabiħ immens li jittrażmetti emozzjonijiet u valuri li ma sibt imkien aktar. Uħud mill-isbaħ esperjenzi u l-aqwa ħbiberiji li għandi sibthom permezz tal-futbol u allura dejjem ninkoraġġixxi lil dak li jkun biex jibda jagħmel kwalunkwe tip ta’ sport, b’mod specjali l-futbol. Peró, min-naħa l-oħra trid tkun dedikat ħafna u lest li tagħmel ħafna, ħafna u ħafna sagrifiċċji biex tiġi ppremjat. Trid tkun lest tqum kmieni għat-taħriġ jew għal-logħob, torqod kmieni, tiekol sew, tieħu ħsieb saħħtek, tevita ċertu ħruġ u titlef ċerti esperjenzi jew safar minħabba impenji tal-kampjonat jew tat-taħriġ, u ħafna eżempji oħrajn, peró, fl-aħħar mill-aħħar dawn is-sagrifiċċji kollu jagħtu l-frott u s-sodisfazzjon tagħhom u jkunu ħafna aktar ta’ valur meta tilħaq l-ambizzjonijiet tieghek.
Apparti minn hekk ukoll il-futbol iżommok ‘il bogħod mill-vizzjijiet koroh u ta’ ħsara għalik u ta’ madwarek. Allura lil dak li jkun ngħidlu taqta’ qalbek qatt, emmen fik innifsek, tibżax mill-iżbalji għax mill-iżbalji titgħallem, u fl-aħħar u mhux l-inqas ħu pjaċir u gawdi kull mument qisu l-aħħar wieħed għaliex meta jasal ikun tard wisq!