Saturday, December 21, 2024

Eddie Howe manager ġdid ta’ Newcastle United

Aqra wkoll

Ir-reġim il-ġdid ta’ Newcastle mmexxi mill-Arabja Sawdija fl-aħħar ħatar l-ewwel manager tiegħu, b’Eddie Howe iffirma ftehim ta’ sentejn u nofs biex jieħu f’idejh il-club minn St James Park.

Il-manager ta’ 43 sena kien ilu bla xogħol minn meta telaq minn ma’ Bournemouth wara r-relegazzjoni tagħhpm mill-Premier League żewġ staġuni ilu, iżda wara li t-taħditiet avvanzaw il-ġimgħa li għaddiet u segwa l-partita tagħhom kontra Brighton mill-istands, Howe ġie uffiċjalment ikkonfermat fil-kariga, it-Tnejn.

“Hu unur kbir li ssir manager ta’ club bl-istatura u l-istorja ta’ Newcastle United. Huwa jum kburi ħafna għalija u għall-familja tiegħi,’ qal Howe.

“Din hija opportunità mill-isbaħ, imma hemm ukoll ħafna xogħol quddiemna u ninsab ħerqan li nidħol fil-ground tat-taħriġ biex nibda naħdem mal-players.

‘Nixtieq nirringrazzja lis-sidien tal-club għal din l-opportunità u nirringrazzja lill-partitarji tal-club tal-merħba inkredibbli li diġà tawni. Ninsab eċċitat ħafna li nibda l-vjaġġ tagħna flimkien.’

Howe se jkun qed jieħu ħsieb il-club immexxi mill-aktar sidien sinjuri fid-dinja, il-Fond ta’ Investiment Pubbliku tal-Għarabja Sawdija maħsub li jiswa aktar minn £700 biljun. L-ewwel, iżda, irid jiffaċċja battalja kontra r-relegazzjoni u għad fadal disa’ logħbiet x’jintlagħbu qabel ikun jista’ jsaħħaħ l-iskwadra tiegħu fit-tieqa tat-trasferimenti ta’ Jannar.

Howe ma kellux l-appoġġ tal-membri kollha qrib il-konsorzju l-ġdid meta tfaċċa ismu għall-ewwel darba erba’ ġimgħat ilu, b’Unai Emery kien il-kandidat favorit b’mod ċar – iżda l-Ispanjol ċaħad l-interess u baqa’ ma’ Villarreal.

Amanda Staveley, madankollu, kienet dejjem ħerqana li titkellem ma’ Howe u ġie intervistat ġimgħatejn ilu. Xi wħud mill-ex players tiegħu ta’ Bournemouth fid-dressing-room ta’ Newcastle – li jinkludu lil Callum Wilson, Ryan Fraser u Matt Ritchie – kienu diġà kkomunikaw l-appoġġ tagħhom għall-ex manager tagħhom lil Staveley.

Ekonomija

Sport