Huwa fatt sinifikanti li diversi Kunsilli Lokali, ta’ kull sena, jorganizzaw bosta attivitajiet li b’xi mod ikollhom rabta mal-lokalità tagħhom. Dawn l-attivitajiet, ma’ kull sena li tgħaddi, qed isiru tradizzjonali fil-gżejjer Maltin u saħansitra qed jiksbu anke popolarità mat-turisti li jżuru dawn il-gżejjer.
Għal darb’oħra, il-Kunsill Lokali tal-Imġarr se jorganizza Festa Frawli, li huwa magħruf sew għaliha. Din l-attività se ssir nhar il-Ħadd li ġej, mill-10.00 a.m. ’il quddiem.
Is-Sindku tal-Imġarr Paul Vella qal lil dan il-ġurnal li waqt Festa Frawli se jkun hemm bejgħ ta’ frawli frisk li jkun għadu jinqata’ kif ukoll prodotti oħra magħmulin mill-frawli.
Is-Sur Vella semma kif minn sena għal oħra l-konkorrenza għal din l-attività qiegħda tiżdied. Fl-istess waqt, huwa ħeġġeġ lin-nies sabiex jattendu għal din il-festa li mhux biss hi sinonima ma’ dan ir-raħal imma saret ukoll parti integrali mill-kalendarju kulturali Malti.

