Friday, December 27, 2024

Edukaturi maħtura biex jiffukaw speċifikament fuq programmi ta’ Special Olympics Malta

Aqra wkoll

Mill-bidu ta’ din is-sena skolastika erba’ għalliema tal-Edukazzjoni Fiżika ġew maħtura miċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Fiżika u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni biex jiffukaw speċifikament fuq programmi li tagħmel parti minnhom Special Olympics Malta.

Dan tħabbar waqt żjara li għamlu fl-Iskola Primarja tal-Kalkara Dr Lydia Abela, il-President ta’ Special Olympics Malta, u l-Ministru għall-Edukazzjoni Justyne Caruana, akkumpanjati mill-Kap tal-Iskola Maryanne Cachia.

L-erba’ għalliema attendew taħriġ volontarju matul ix-xhur tas-sajf li kien organizzat minn Special Olympics Malta, u bħalissa dawn l-għalliema – tlieta stazzjonati f’Malta u wieħed f’Għawdex – qed iżuru l-iskejjel primarji kollha. B’kollaborazzjoni mal-amministrazzjoni tal-iskola tfassal database ċentrali ta’ studenti li huma eliġibbli sabiex jibbenefikaw minn dawn it-tip ta’ programmi.

Barra minn hekk, qed isir eżerċizzju billi tiġi vvalutata l-parteċipazzjoni tal-istudenti fi programmi ta’ wara l-iskola mnedija minn Special Olympics Malta, filwaqt li qed isiru l-arranġamenti neċessarji biex jiġu attirati aktar parteċipanti lejn dan il-qasam.

Wara li żaru l-istudenti fil-klassijiet, Dr Abela u l-Ministru Caruana kienu infurmati bid-dettalji kollha marbuta ma’ dan il-proġett mill-education officers fi ħdan il-ministeru Kevin Azzopardi u Marvin Spiteri, kif ukoll minn Anna Calleja, Direttur Nazzjonali ta’ Special Olympics Malta.

Bħala President ta’ Special Olympics Malta, Dr Lydia Abela saħqet li huwa ta’ sodisfazzjon kbir għaliha li qed jitnieda programm b’kollaborazzjoni maċ-Ċentru tal-Edukazzjoni Fiżika u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni. “Il-benefiċċju ta’ dan il-programm jirriżulta fi żvilupp ħolistiku ta’ kull student b’abilitajiet differenti,” qalet Dr Abela. Hija spjegat kemm huwa importanti li l-inklużjoni mhux nitkellmu dwarha biss, imma wkoll jitnedew proġetti konkreti biex din tkun prattikata, f’dan il-każ, fl-iskejjel tagħna. Hija saħqet ukoll li dan il-programm huwa sinjal ċar ta’ kemm bħala pajjiż u wkoll bħala gvern, qed nagħtu attenzjoni partikolari lill-inklussività, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-isport. Dr Abela rringrazzjat lil dawk kollha involuti għall-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom.

Min-naħa tagħha, il-Ministru Justyne Caruana qalet li dan huwa pass ieħor importanti fuq diversi livelli, għaliex qed tingħata importanza għall-edukazzjoni ħolistika, inkluż l-attività fiżika. “L-inklużjoni permezz tal-isport hija importanti ħafna li nattwawha fl-iskejjel tagħna, u għalhekk dan huwa proġett importanti immens għaliex issa l-għalliema li ngħataw taħriġ se jidħlu fl-iskejjel u jagħmlu sessjonijiet ta’ attività fiżika ma’ tfal li għandhom abilitajiet differenti. B’hekk, mhux biss ikollhom attività fiżika imma wkoll inqarrbuhom lejn parteċipazzjoni fl-Ispecial Olympics kif ukoll f’attivitajiet oħra organizzati minn Special Olympics Malta”.

Aktar tard matul din is-sena skolastika, Malta se tospita l-Ispecial Olympics Invitational Event. Din l-inizjattiva fl-iskejjel hija mmirata biex tkun waħda mill-wirt dejjiemi ta’ mument storiku fejn jidħlu l-edukazzjoni fiżika u l-isport f’Malta u Għawdex.

Dan il-proġett qed isir permezz tal-kollaborazzjoni taċ-Ċentru għall-Edukazzjoni Fiżika u Sport fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u Special Olympics Malta.

Ekonomija

Sport