Sunday, December 22, 2024

“Ejja niġbdu ħabel wieħed fl-arbitraġġ internazzjonali”

- il-PM b’appell lill-Oppożizzjoni

Aqra wkoll

Hekk kif kompliet tinstema’ l-kawża miftuħa mill-Partit Nazzjonalista dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet, l-Imħallef Giovanni Grixti sema’ s-sottomissjonijiet tal-partijiet dwar it-talba tal-Gvern biex ikun ikun jista’ jintervjeni f’din il-kawża.

L-Avukat tal-Gvern Ian Borg argumenta li l-kawża mressqa mill-PN hija waħda surreali legalment, filwaqt li qal li l-Oppożizzjoni hija konxja tal-effetti tal-kawża, jiġifieri s-setgħa fdata lill-Gvern tiġi żvestita mingħandu.

Dr Borg sostna li huwa fl-interess tal-Gvern li jintervjeni f’din il-kawża sabiex iħares is-setgħa li għandu permezz tal-mandat li ngħata. Żied ifakkar ukoll li l-Gvern diġà beda proċeduri ta’ arbitraġġ internazzjonali u li l-Oppożizzjoni jeħtieġ twieġeb għal kull effett li jista’ jkun hemm fuq dan il-proċess.

Min-naħa tiegħu, l-Avukat tal-Oppożizzjoni Dr Edward DeBono akkuża lill-Gvern li qiegħed jipprova jagħmel mażżra biex l-Avukat tal-Istat ma jaġixxix. Huwa qal li l-każ m’għandux x’jaqsam mal-poteri tal-Avukat tal-Istat.

Wara li sema’ s-sottomissjonjiet taż-żewġ naħat, l-Imħallef Grixti qal li nhar it-Tnejn li ġej se jkun qiegħed jiddeċiiedi dwar it-talba tal-Gvern u l-Kabinett biex jintervjenu huma wkoll fil-kawża.

Wara s-seduta, il-Prim Ministru Robert Abela qal li r-raġuni wara t-talba li ressqu hi waħda ċara għax il-Gvern irid iħares milli sseħħ ħsara fil-proċeduri tal-arbitraġġ internazzjonali.

Huwa fakkar li numru ta’ xhur ilu, il-Gvern kien ipparteċipa f’dan l-arbitraġġ biex jikkawtela l-interessi kollha li l-Gvern jista’ għandu fil-konfront ta’ Steward. Qal li fis-seduta żvolġiet sitwazzjoni unika fl-awla tal-Imħallef Grixti fejn is-sottomissjonijiet tal-Kap tal-Oppożizzjoni juru kemm il-PN qata’ qalbu milli jmexxi lil dan il-pajjiż.

“Litteralment jaf li m’għandux il-fiduċja tal-poplu u allura li qed jipprova jagħmel huwa li jżarma s-setgħat tal-Gvern milli jmexxi dan il-pajjiż u ftit ftit dawk is-setgħat jimxu lejn l-Oppożizzjoni,” qal Dr Abela.

Huwa kompla billi appella lill-Kap tal-Oppożizzjoni sabiex jirrikunsidra sew din l-azzjoni li għamel quddiem il-Qrati u aktar minn hekk għamillu stedina sabiex jiġbdu ħabel wieħed fl-arbitraġġ internazzjonali. 

“Ejja ma nipprovawx nagħmlu kawża quddiem il-Qrati tagħna li nipprovaw nimminaw iċ-ċansijiet u l-opportunitajiet li għandu l-Gvern kontra Steward fl-arbitraġġ internazzjonali. Disposti li safejn il-limiti tal-kunfidenzjalità jippermettu nagħtu l-andament tal-proċeduri,” temm jgħid il-Prim Ministru.

Ekonomija

Sport