Thursday, December 26, 2024

“Ejja nkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ poplu b’qalb kbira”

Jorge Spiteri, Viċi Ċermen tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat

Aqra wkoll

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala Viċi Ċermen tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat.

Bħala Deputat President tal-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat (MCVS) għandi d-dmir li naġixxi bħala President tal-Kunsill fin-nuqqas temporanju tiegħu. Fil-preżenza tal-President nkun qed naqdi funzjoni oħra fis-sotto kumitat amministrattiv fejn flimkien mal-President u l-Uffiċjal Kap Eżekuttiv (CEO) niddiskutu suġġetti ta’ materja amministrattiva tal-MCVS.

Minkejja dan jiena membru elett mill-Fondazzjoni Żgħażagħ fl-Agrikoltura Malta (MaYA Foundation VO 0823) għas-Settur Ambjentali u s-Settur għat-Trattament Xieraq tal-Annimali. Din il-kariga qed nokkupaħha għat-tieni terminu konsekutiv u għaldaqstant l-irwol tiegħi huwa li nirrapreżenta dawn is-Setturi tant għal qalbi fl-MCVS. Mill-esperjenza li ksibt, ħassejt li nista niktontribwixxi iktar fl-amministrazzjoni tal-MCVS u għaldaqstant offrejt li nkun Deputat President fejn il-bqija tal-kunsill appoġjani bil-fiduċja tiegħu.

Għaldaqstant sa mill-bidu tal-esperjenza tiegħi fl-MCVS pprovdejt forum fuq meżż soċjali sabiex l-għaqdiet li jien nirrapreżenta jkollhom kuntatt iktar mill-qrib miegħi f’każ ta’ konsultazzjoni, opportunitajiet ta’ kooperazzjoni bejn l-għaqdiet innifishom u l-Gvern. Apparti min hekk għandi nippromwovi l-kultura ta’ volontarjat speċjalment fit-tfal u żagħżagħ, kunsilli lokali, entitajiet privati, u persuni oħra.
 
Kemm għadu relevanti l-volontarjat illum f’pajjiżna?

Il-volontarjat huwa meqjus bħala t-tielet pilastru tal-ekonomija tagħna u għaldaqstant ħafna servizzi huma possibli grazzi għas-settur tal-volontarjat. Il-volontarjat jinsab mifrux fl-oqsma kollha li wieħed jista jimmaġina fosthom is-settur ambjentali, tal-bżonnijiet speċjali, taż-żagħżagħ, tal-arti u kultura…

Pereżempju illum ftit li xejn għadek tara klieb jiġru barra għaliex l-għaqdiet volontarji li jamministraw santwarji laqgħu għandhom dawn il-ħlejjaq. Hemm għaqdiet oħra li jagħmlu proġetti ta’ konservazzjoni u riabilitazzjoni ta’ flora u fawna fosthom pjanti, sigar, naħal, u fkieren, qniefed, u tjur. Il-konservazzjoni hija xprunata minn bżonn li nissalvagwardjaw ġenetika addatata għal pajżaġġ Malti filwaqt li r-riabilitazzjoni sseħħ f’każ ta’ inċidenti jew atti mhux mixtieqa.

Mingħajr dawn is-servizzi li jingħataw kemm volontarjament kif ukoll bi ftehim mal-Gvern, l-ambjent naturali tagħna jkun f’sitwazzjoni ferm agħar milli wieħed jista jimmaġina. Bis-saħħa ta’ dawn is-servizzi, l-esperjenza ta’ visitaturi ġewwa artna tkun waħda iktar posittiva u għaldaqstant għandha impatt dirett fuq x’jgħidu n-nies fuq MALTA u allura fuq il-kwalita tat-turiżmu lokali wkoll.
 
Iż-żgħażagħ għadhom ifittxu li jaghmlu volontarjat?

Nistqarr li jien iltqajt mal-volontarjat ta’ età ferm żgħira u s-sodisfazzjon li tagħni kien indeskrivibbli tant li bqajt ninvolvi ruhi f’diversi oqsma. Xi kultant, anki minħabba l-ħajja mgħaġġla tal-lum, iż-żgħażagħ ma jkunux qed jfittxu biex jagħmlu xi volontarjat, anki għax ma jkollhomx gwida biżżejjed fuq kif u fejn għandhom ifittxu. Jiena nemmen li l-volontarjat għandu jkun parti ntegrali mill-formazzjoni edukattiva ta’ kull individwu biex b’hekk wieħed ikollu l-opportunita’ li jduq ftit minn dan is-settur tant vast u mportanti.

Mhux dejjem faċli li wieħed minn rajħ ifittex jagħmel il-volontarjat, pero meta wieħed jkollu din ix-xorti, jinduna kemm huwa ġest nobbli li tagħti sehmek mingħajr ma tistenna lura. It-tfal u żgħażagħ tal-lum huma l-futur ta’ Malta u għaldaqstant ma nistax nisħaq biżżejjed kemm hu importanti li jesperjenzaw l-volontarjat fl-oqsma li għandhom għal qalbhom. Wara l-esperjenza, jekk dejjem tħalli l-effett mixtieq, dawn l-individwi jinġibdu iktar lejn il-volontarjat u jibdew jfittxuh huma. Illum l-għaqdiet volontarji tagħna huma regolati u mħarrġa iktar sabiex jkunu jistgħu joffru servizz tal-ogħla livell.
 
Fatt inkoraġġanti huwa dak li bosta persuni għadhom ifittxu li jagħmlu volontarjat barra minn pajjiżna. X’taħseb?

Ċertu pajjiżi speċjalment dawk tat-tielet dinja għandhom bżonn daqqa t’id iktar min oħrajn fil-volontarjat għax m’hemmx biżżejjed nies u flus biex ilaħħqu mal-kwalità u d-domanda tal-bżonnijiet essenzjali. F’Malta għandna riżorsa kbira ta’ nies li biha nistgħu nagħmlu volontarjat anke barra minn xtutna mingħajr ma nnaqsu ħafna minn dik lokali sakemm ma nkunux għaddejjin minn xi kriżi madwar l-pajjiż kollu.

Sa minn żmien il-qedem, in-nies ta’ Malta kienu magħrufin għal ġenerożità tagħhom, xhieda ta’ dan għandna l-Bibbja. Meta wieħed jfittex il-volontarjat barra minn xtutna, dan jikber iktar għax jaffaċċja realtajiet oħra u jkun iktar indipendenti tul ħidmietu. Apparti minn hekk, meta dan jirritorna lura, miegħu iġib bagalja ta’ tagħlim li tkompli ssaħħaħ is-settur lokali tal-volontarjat.

Għaddi messaġġ lill-poplu Malti biex ifittex li jagħmel xi tip ta’ volontarjat kemm f’pajjiżna kif ukoll barra minn xtutna.

Nixtieq nenfasiżża li kull persuna hija tajba f’xi ħaġa u għaldaqstant li wieħed jiddedika mqar ftit ħin għal kawża ġusta jew għal ħaddieħor ikun qed jagħmel ġid kbir li jroddlu lura sodisfazzjon kbir. Ċertu drabi l-volontarjat jkun taħt forom illi qas biss tinduna li qed jsir, bħal pereżempju tisma lil xi ħadd jesprimi ħsibijietu għax forsi m’għandux ma’ min jitkellem jew tagħti parir żgħir li għalik ma jiswa xejn għax huwa parti mill-professjoni tiegħek. Ejja nkomplu nsaħħu r-reputazzjoni ta’ poplu b’qalb kbira!



 

Ekonomija

Sport