Tuesday, December 10, 2024

“Ejja nżommu l-kelma li tajna lil Jake Vella biex ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’ tkun għal darb’oħra suċċess”

Titnieda edizzjoni oħra ta’ ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza'

Aqra wkoll

Waqt żjara fl-Isptar Mater Dei, mart il-Prim Ministru, Dr Lydia Abela, nediet it-tielet edizzjoni ta’ ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza.’

Dan anke wara li l-ġimgħa li għaddiet ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja, ġiet varata l-ħames edizzjoni ta’ ‘Rigal b’Imħabba.’ Kampanja fejn fiha jinġabru rigali għal tfal inqas ixxurtjati u li fil-Milied ma jkunux f’pożizzjoni li jirċievu rigal. B’hekk permezz ta’ din il-kampanja, il-pajjiż kollu jkun jista’ jikkontribwixxi sabiex l-ebda tifel u tifla f’pajjiżna f’dawn iż-żmien ta’ festi ma jkun mingħajr rigali.

‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’ tmur id f’id mal-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba’ hekk kif taħseb ukoll għall-annimali fis-santwarji f’pajjiżna. Din l-inizjattiva kienet xprunata mix-xewqa tal-għażiż Jake Vella, li ħalla din id-dinja aktar kmieni din is-sena, sabiex jinġabru prodotti tal-ikel għall-annimali jew prodotti relatati fid-daħla tal-Isptar Mater Dei.

Dr Lydia Abela fakkret il-memorja ta’ Jake li b’kuraġġ ta’ sur baqa’ jiġġieled il-marda rari li kellu b’sens altruwist u pożittiv, sal-aħħar. “Niftakar meta sentejn ilu wettaqna l-ħolma ta’ Jake u għall-ewwel darba bdejna l-inizjattiva ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’ sabiex f’dawn iż-żminijiet, meta kulħadd ikun qed jixtri r-rigali, jaħsbu wkoll għal annimali abbandunati, jixtru ikel u prodotti tal-annimali u jinġabru hawnhekk, fis-sala ewlenija tal-isptar,” irrimarkat Dr Abela hekk kif sostniet ukoll is-suċċess kbir tal-aħħar żewġ edizzjonijiet ta’ din l-inizjattiva.

Hawnhekk, hija mill-ġdid għamlet stedina biex kull min jista’ jgħin u jaħseb fl-annimali abbandunati u jħalli l-prodotti tiegħu fis-sala ewlenija tal-Isptar Mater Dei, f’dan il-perjodu festiv. Dan sabiex mill-ġdid il-ħolma ta’ Jake terġa’ ssir realtà.

“M’għandix dubju li s-sens altruwist u l-valuri sbieħ tal-Maltin u l-Għawdxin kollha se ssarraf biex ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’ terġa’ tkun suċċess bħall-edizzjonijiet passati. Lil Jake tajnieh il-kelma tagħna li kull Diċembru se niġu hawn u nagħtu l-ħajja mill-ġdid lil din is-sala b’din l-inizjattiva. Ejja flimkien inżommu dik il-kelma li tajna lil Jake u din il-ħolma li kellu nkomplu nagħmluha realtà,” temmet tgħid Dr Lydia Abela.

Min-naħa tiegħu, il-Ministru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva Jo Etienne Abela, li kien preżenti waqt din iż-żjara, qal li dan hu ġest li ser ifakkar il-memorja taż-żagħżugħ Jake Vella li kien ta ispirazzjoni għal bosta. Fakkar, li għalkemm Jake kien qed jikkumbatti u jiġġieled numru ta’ sfidi, dejjem kien jara kif ser jgħin lill-ħaddieħor b’mod speċjali l-annimali. Fakkar ukoll kif nhar il-Ħadd 15 ta’ Diċembru, ser terġa’ tittella’ il-mixja “Paw Walk” – attività li kien ħoloq Jake Vella b’risq l-annimali abbandunati fis-santwarju AAA. Bħal ma ġara fis-snin preċedenti din il-mixja ser tkun qed titlaq minn l-Isptar Mater Dei fl-għaxra ta’ filgħodu u kulħadd mistieden jattendi din il-mixja flimkien mal-pets tagħhom.

“Ċert li għal sena oħra, l-Maltin u l-Għawdxin ser jirrikorru u jżommu ‘Rigal b’Imħabba b’Differenza’ waħda ta’ suċċess bħall-edizzjonijiet passati. Ċert li dan kien il-ħsieb li Jake kellu għal din is-sena, li jgħin kemm jista’ jkun santwarji u annimali,” temm jgħid il-Ministru Abela.

Ekonomija

Sport