‘Ejjew flimkien nkunu ta’ salvagwardja għall-preżent u l-futur tal-popli tagħna’ – Il-Prim Ministru Robert Abela

Il-Prim Ministru jindirizza il-Konferenza dwar il-Bidla fil-Klima tan-Nazzjonijiet Magħquda (COP31) f’Türkiye

Aqra wkoll

“Hekk kif il-bidla fil-klima u t-temp estrem qed jaċċelleraw Malta se tkompli ssaħħaħ is-sigurtà fl-enerġija permezz ta’ titjib fil-grid u aktar investiment fl-enerġija rinnovabbli, inkluż proġetti ta’ teknoloġija offshore u potenzjalment solar PVs, fuq il-baħar ukoll. Dawn isaħħu ir-reżiljenza klimatika kif ukoll l-aċċess għal enerġija aktar nadifa.”

Dan stqarru l-Prim Ministru Robert Abela waqt li kien qed jindirizza l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Bidla fil-Klima (UNFCCC  – COP31), f’Antalya, it-Turkija. 

Quddiem għexieren ta’ mexxejja internazzjonali, Dr Abela stqarr li r-reżiljenza klimatika jeħtieġ tibqa’ ċentrali fil-politika tal-Gvern u wiegħed li fl-2027 Malta se tibqa’ tiżviluppa il-Pjan Nazzjonali tar-Reżilejnza Klimatika b’azzjonijiet f’10 setturi meqjusin vulnerabbli. 

“Dawn jinkludu infrastruttura kritika, bħall-enerġija, l-ilma, is-saħħa, it-trasport u s-sigurtà tal-ikel. Jeħtieġ illi nippreparaw b’mod effettiv għal din ir-realtà b’azzjonijiet immirati għal kull settur,” kompla jgħid il-Prim Ministru.

Fid-diskors tiegħu l-Prim Ministru rrijafferma illi Malta tibqa’ kommessa li tilħaq il-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi kif ukoll li tikkontribwixxi għall-isforzi kollettivi u ambizzjużi sabiex ikunu mnaqqsa l-effetti tal-klima. 

“Anke f’Malta, bħala Gvern qed nieħdu diversi inizzjattivi biex jiġu mgħejuna il-familji u n-negozji f’din it-tranżizzjoni,” kompla jgħid Dr Abela. Elenka diversi eżempji, fosthom l-investiment tax-Shore-to-ship għal ekonomija marittima aktar sostenibbli. 

Kompla billi fakkar kif fuq livell globali Malta hija wkoll vuċi għal dawk il-pajjiżi li huma affettwati miż-żieda fil-livell tal-baħar u qal li l-Gvern Malti se jkompli jagħti priorità lill-assistenza għal gżejjer stati żgħar bħal Malta li għandhom ċirkostanzi ġeografiċi u problemi klimatiċi komuni.

“Malta tappella għal finanzjament  marbut mal-klima li jkun aċċessibbli għal dawk l-Istati li huma l-aktar vulnerabbli,” qal Dr Abela.  

Il-Prim Ministru fakkar kif inizjattiva Maltija fl-1988 kienet iddikjarat il-bidla fil-klima bħala sfida komuni tal-umanità.

“Kważi 40 sena wara nħeġġeġ biex inkomplu f’din id-direzzjoni f’dan il-COP31 u  agħtu prova li l-multilateriżmu huwa l-aqwa għodda biex niġġieldu din it-theddida. Ejjew nagħtu lill-popli tagħna dak li jixirqilhom. 

Ejjew flimkien nissalvagwardjaw il-preżent u l-futur,” temm jgħid il-Prim Ministru. 

Il-Konvenzjoni tlaqqgħet fil-kuntest ta’ żewġ avveniment ġeopolitiċi, jiġifieri l-għeluq tal-Istrett ta’ Hormuz li wassal għall-instabilità fis-suq tal-enerġija kif ukoll it-tisħiħ ta’ fenomeni marbuta mat-tibdil fil-klima, inkluż mewġiet rekord ta’ sħana. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport