Thursday, December 26, 2024

EKONOMIJA LI TAĦDEM GĦAN-NIES

Aqra wkoll

Pajjiżna huwa determinat li jkompli jappoġġja bis-sħiħ l-ekonomija u jħarisha mill-isfidi li jistgħu jfeġġu minn żmien għall-ieħor, kemm lokali u anke dawk internazzjonali. Dan se jwettqu f’kuntest li l-ekonomija tkun hemm għan-nies u mhux in-nies għall-ekonomija.

Nemmnu li ekonomija, anki dik dominata mis-suq ma tistax taħdem sew jekk ma tkunx kumplimentata minn politika fiskali sana u robusta. Għalhekk inqisu b’sodisfazzjon dak li qal il-Prim Ministru Robert Abela li l-Budget li se jitħabbar nhar it-Tnejn illi ġej se jkun wieħed li jkompli jħabbar il-politika fiskali tal-Gvern.

Din id-dikjarazzjoni nifhmuha b’mod li kull miżura li se tkun proposta li titwettaq, minbarra li tkun sostenibbli, se tkun ukoll xprunata minn direzzjoni strateġika lejn fejn se tittieħed l-ekonomija ta’ pajjiżna fiż-żmien li ġej.

Dan għandu għaliex iqawwi qalb il-poplu Malti aktar u aktar li minn dawn l-aħħar snin ‘l hawn, kull budget bena fuq dak ta’ qablu u dan kien possibbli li jsir għax kellna ekonomija reżiljenti li pajjiżna baqa jsostni. Konferma ta’ dan kien ir-rapport annwali riċenti tal-Kunsill Fiskali Konsultattiv li stqarr li l-ekonomija għal din is-sena mistennija li tikber iktar milli kien mbassar.

Il-mudell ekonomiku li l-Gvern addotta fl-aħħar snin serva tajjeb lill-pajjiż. Bla dubju dan jikkonferma wkoll kemm il-kritika li saret u għadha ssir illi l-mudell ekonomiku attwali huwa mibni fuq żiedda fil-popolazzjoni mhux biss hija inġusta imma wkoll ma tagħmel ebda sens.

Madanakollu, kif għidna bosta drabi, ma jfissirx li mudell ekonomiku, anki jekk ikun serva tajjeb lill-pajjiż, m’għandux ikun perpetwu imma wieħed li jiġi aġġornat skont il-ħtiġijiet, iċ-ċirkostanzi u l-isfidi reali li jistgħu jfeġġu.

Anki minkejja li għandna ekonomija miftuħa, ekonomija tas-suq, li kieku l-Gvern ma intervjeniex waqt il-kriżi tal-enerġija, f’pajjiżna ma kienx ikollna stabbilta fil-prezzijiet tad-dawl u l-ilma u l-piż kien jintrefa’ kollu kemm hu mill-familji Maltin. Dan seta’ jsir biss għax għandna ekonomija reżiljenti li kapaċi tilqa għad-daqqiet u x-xokkijiet li jinqalgħu bla mistenni.

Għalhekk hija flokha l-proposta tal-GWU għal Budget 2025 li tisħaq fuq il-bżonn li pajjiżna jkollu pjan ħolistiku li jindirizza l-sfidi kurrenti u dawk mistennija fis-snin li ġejjin. Pjan ħolistiku li fuq kollox jiggarantixxi xogħol ta’ kwalità u kundizzjonijiet ta’ xogħol mill-aqwa li jwassal għall-mobilità soċjali għal kulħadd.

Ekonomija

Sport