Saturday, December 21, 2024

EKONOMIJA TA’ KWALITÀ 

Aqra wkoll

Ir-realtajiet ekonomiċi mhux ta’ Malta biss imma ta’ diversi pajjiżi qed jinbidlu. Qed jinbidlu l-aktar minħabba l-iżvilupp mgħaġġel li qed iseħħ fil-qasam tat-teknoloġija u l-innovazzjoni. B’dawn ir-realtajiet u l-isfidi ġodda, ma jfissirx li pajjiżna għandu jibdel drastikament il-mudell ekonokmiku li serva tajjeb f’dawn l-aħħar snin. Imma li dan jiġi aġġornat kif u fejn meħtieġ. 

Ma rridux ninsew illi dan il-mudell ekonomiku serva tant tajjeb illi l-Gvern sab biżżejjed fondi biex pajjiżna jkampa waqt il-pandemija tal-Covid-19 u anke waqt il-kunflitti li hawn għaddejjin mhux tant bogħod minna, l-aktar fl-Ukrajna li l-effetti tagħha wasslu għal żidiet enormi fil-prezzijiet tal-enerġija u l-ikel. 

Fil-kuntest ta’ dan, il-Gvern sab minn fejn jonfoq miljun ewro kuljum sabiex jissussidja l-prezzijiet tal-fjuwil u l-elettriku għall-poplu Malti u Għawdx kollu. Spiża li l-Gvern qed jerfagħha hu u li tfisser li dawn il-flus baqgħu fil-bwiet tan-nies. 

Fid-dawl tar-realtajiet preżenti, il-Gvern qed jibqa’ jisħaq fuq l-għaqal li għandu jiggwida l-ħidma tiegħu sabiex filwaqt li jiġi attirat aktar investiment dirett barrani, dan ikun ta’ valur miżjud li joħloq impjiegi ta’ kwalità.

Hawn ta’ min isemmi li l-Malta Enterprise s-sena li għaddiet approvat mat-43 proġett b’valur ta’ kważi €36 miljun. Madanakollu sa nofs din is-sena, b’differenza, minkejja li approvat 12-il proġett biss, il-valur tagħhom kien ilaħħaq il-€144 miljun. 

Fost investimenti ta’ valur miżjud b’inqas ħtieġa ta’ ħaddiema imma aktar impjegati b’karrieri ta’ kwalità, li għamel ukoll referenza għalihom il-Prim Ministru Robert Abela lbieraħ, hemm proġetti ta’ investiment bħal tal-ST Micro Electronics u Gimas. 

Għalhekk nemmnu li huwa essenzjali li s-sistema edukattiva ta’ Malta taħseb għal dawn l-opportunitajiet u l-ħtiġijiet industrijali ta’ pajjiżna biex l-investiment barrani li jiġi jsib ukoll Maltin li lesti biex jidħlu għal dawn l-impjiegi li jinħolqu. 

Dan kollu jorbot mad-direzzjoni li jrid jibqa’ jieħu l-Gvern favur ekonomija ta’ kwalità li tindirizza r-realtajiet u l-prijoritajiet ta’ dan il-pajjiż. 

Ekonomija

Sport