Wednesday, October 9, 2024

Il-Birgu jirbħu r-Regatta tal-Vitorja … Bormla jirbħu Kategorija B

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Il-Birgu rebħu l-Aggregate Shield tar-Regatta tal-Vitorja meta fi tmiem eċċitanti, huma rebħu l-aħħar tiġrija li tiġbor fiha l-aktar punti biex għelbu lill-Isla b’vantaġġ ta’ żewġ punti.

Dan ifisser li wara 40 sena huma rebħu x-Shield waħedhom wara li s-sena l-oħra reb­ħuha flimkien ma’ Bormla.

Kategorija B intrebħet minn Bormla għat-tielet darba konsekuttiva meta filwaqt li huma rebħu l-aħħar tiġrija, il-Kalkara, li dehru li se jo­ħorġu rebbieħa, ma kklassifi­kawx minħabba li kellhom in­ċi­dent mad-dgħajsa tal-Birgu.

KATEGORIJA OPEN

Din il-kategorija bdiet bit- tiġrija tad-Dgħajjes tal-Midalji b’taqtiegħa ferm inte­ressanti bl-ekwipaġġ tal-Isla, kompost minn Davison Micallef, Glen Zammit, Russell Bugeja u Andre Gauci, attakkat fuq in-naħa ta’ barra biex eventwalment ħareġ rebbieħ quddiem id-dgħajjes tal-Birgu u ta’ Bormla rispettivament.

Erba’ clubs biss ipparteċipaw fit-tiġrija tal-Frejgatini li ġiet mirbuħa mill-Isla bil- qaddiefa jkunu Clyde Mizzi u Davison Micallef filwaqt li Melvana Micallef kienet it- tmuniera.  

Fit-tieni u fit-tielet posti­jiet daħlu l-Birgu u Bormla rispettivament, b’Marsa jku­nu l-uniku club li ma pplej­sjax.

Fit-tiġrija tal-Pass ta’ bi Tnejn, il-Bormliżi Clive Cas­ha u Dennis Thornton, reġ­għu ħadu x-xettru wara li s-sena l-oħra kienu sfaw megħ­luba mid-dgħajsa tal- Birgu … biex b’dan it-trijonf issa din il-koppja rebħet 20 minn 21 tiġrija (li jinkludu wkoll it-tiġrijiet ta’ Jum il-Helsien).

Fit-tieni post temmew l-Isla segwiti mill-Birgu.

B’Birżebbuġa skwalifikati għax waslu tard għat-tluq, it-tiġrija tal-Kajjikki ntreb­ħet mill-Birgu b’mod mill-aktar komdu permezz ta’ Kie­ron Zammit u Nigel Sant, segwiti minn Marsamxett u Bormla.

It-tiġirja tal-Pass ta’ b’Erbgħa kienet l-aktar mistennija bis-Sengleani kienu favoriti li jirbħu x-Shield.

Iżda l-Ġirbin, permezz ta’ Antoine Brignone, Clyde Cutajar, Clayton Darmanin u Sven Refalo, kellhom ideat oħra li għelbu l-isfida tal-Isla b’nofs dgħajsa, bil-Bormliżi jtemmu fit-tielet post. 

KATEGORIJA B

L-ewwel tiġrija kienet dik tal-Pass ta’ bi Tnejn li ntreb­ħet mill-Kalkara, bl-aħwa Gilmore u Godwin Buttigieg,  jirrepetu s-suċċess tas-sena l-oħra. Huma kienu segwiti minn Marsamxett u l-Birgu.

It-tiġrija tal-Kajjikki ġiet mirbuħa mid-dgħajsa tal- Kalkara bi tliet tulijiet. Din  kienet komposta minn Christian Bu­geja u Kurt Vassallo biex kabbru l-vantaġġ għal 12-il punt.

Fit-tieni post daħlu Marsamxett segwiti mill-Birgu.

Bormla rebħu t-tiġrija tad- Dgħajjes tal-Midalji b’mod komdu fejn kienu segwiti minn Marsaxlokk u l-Isla rispettivament.

L-ekwipaġġ rebbieħ kien iffurmat minn, Nicholas Pa­ris, Dione D’Amato, Mattia Calleja u Denzel Thornton, b’dawn it-tnejn tal-aħħar kienu wkoll fuq id-dgħajsa rebbieħa.

It-tiġrija tal-Frejgatini tat aktar saħħa lil Kalkara li sa dak il-ħin kienu qed jillid­jaw il-klassifika bi 12-il punt fuq Marsamxett wara li fit-tiġrija preċedenti, ma pplejsjawx u għaldaqstant ma ħadu l-ebda punt.

L-ekwipaġġ rebbieħ kien iffurmat minn Kohath Mallia u Ryan Degiorgio bit-tmuniera tkun Deshaja Mifsud.

Fl-aħħar 150 metru, huma bdew jiġu attakkati mid- dgħajsa ta’ Birżebbuġa iżda bdew iżidu l-isforzi tagħhom biex eventwalment ħarġu rebbieħa.

Birżebbuġa, li kienu segwiti minn Bormls, irreġistraw l-ewwel punti.

It-tiġrija tal-Pass ta’ b’Erbgħa kellha terġa’ ssir minħabba li d-dgħajsa ta’ Bormla għad­diet tmiss ma’ dik tal-Birgu. Dan minħabba r-regoli jistipulaw li jekk isir dan u t-tiġrija ma tkunx qabżet il-200 metru, it-tiġrija tkun trid terġa’ ssir.

Din intrebħet minn Bormla permezz ta’ Mattia Calleja, Nicholas Paris, Cleaven Falzon, u Denzel Thornton, segwiti minn Birżebbuġa u Marsamxett.

Ta’ nota huwa l-fatt li fi tliet kwarti ta’ din it-tiġrija id-dgħajjes tal-Kalkara u l-Birgu daħlu f’xulxin biex intemmet kull tama li l-Kal­kara setgħu rebħu x-Shield. 

Qabel ir-regatta saret it-tiġrija tal-frejgatini tan-nisa li ntrebħet minn dik tal-Birgu, f’ħin ta’ 7’51”, biż-żewġ qaddiefa jkunu Shazel Grima u Glynis Mizzi, bit- tmunier ikun Dale Scicluna.

Fit-tieni post daħlu l-Isla segwiti mill-Marsa li għelbu lil Birżebbuġa lejn it-tmiem.

Kategorija A

Dgħajjes tal-Midalji

1. Isla  4’47” (20 punt); 2. Birgu (12); 3. Bormla (6)

Frejgatini

1. Isla  6’56” (12); 2. Birgu (8); 3. Bormla (4)

Tal-Pass ta’ bi Tnejn

1.  Bormla  5’37” (20); 2. Isla (12); 3. Birgu (6)

Kajjikki

1. Birgu  6’20” (12); 2. Marsamxett (8); 3. Bormla (4)

Tal-Pass ta’ b’Erbgħa

1. Birgu  5’19” (24); 2. Isla (16); 3. Bormla (8)

Klassifika Finali: 62 – Birgu; 60 – Isla; 42 – Bormla; 8 – Mar­samxett; 0 – Birżebbuġa, Kalkara, Marsa, Siggiewi

Kategorija B

Tal-Pass ta’ bi Tnejn

1. Kalkara  6’02” (20 punt); 2. Marsamxett (12); 3. Birgu (6)

Kajjikki

1. Kalkara  6’35” (12); 2. Marsamxett (8); 3. Isla (4)

Dgħajjes tal-Midalji

1. Bormla  4’49” (20); 2. Marsamxett (12); 3. Isla (6)

Frejgatini

1. Kalkara  7’02” (12); 2. Birżebbuġa (8); 3. Bormla (4)

Tal-Pass ta’ b’Erbgħa

1. Bormla  5’30” (24); 2. Birżebbuġa (16); 3. Marsamxett (8)

Klassifika Finali: 48 – Bormla; 44 – Kalkara; 40 – Marsamxett; 24 – Birżebbuġa; 10 – Isla; 6 – Birgu; 0 – Marsa, Siggiewi

Sport