Sunday, April 5, 2026

Ekonomija tal-ilsiera

Aqra wkoll

Fl-1548, 30% tal-qaddiefa fuq ix-xwieni tal-Ordni tal-Kavallieri, kienu lsiera. Sal-1669 il-qaddiefa-lsiera kienu 71%. Fl-1632 terz mill-ilsiera kienu jaħdmu fuq il-bini u t-tiswija tas-swar, fit-tarzna, fil-fran tal-ħobż u l-isptarijiet. Kien hemm dawk li kienu jseftru fil-palazzi tal-kavalieri u fid-djar tas-sinjuri Maltin.

Sena      Ilsiera        Popolazzjoni

1548      400            20,000     (2.0%)

1599      1,800          21,000    (8.5%)

1632       2,046         43,000    (4.7%)

1710       3,000          50,000   (6.0%)

1798        2,000         100,000 (2.0%)

Ħafna mill-ilsiera kienu jgħixu l-Belt Valletta u fil-Birgu, l-Isla u Bormla. Kienu 10% tal-popolazzjoni ta’ dawk l-ibliet imma kienu perċentaġġ akbar bħala ħaddiema.

Godfrey Wettinger fi ‘Slavery in the Islands of Malta and Gozo (ca. 1000–1812)’ PEG Ltd 2002) jurina kif l-ekonomija ta’ Malta fi żmien l-Ordni kienet mibnija fuq l-ilsiera, bħala ħaddiema u għad-dħul mill-bejgħ tagħhom. Mingħajr l-ilsiera l-ekonomija kienet tieqaf u tmur lura.

Kummerċ tajjeb

Sas-sena 1765 tant kienu naqsu l-ilsiera li kienet taqbad l-Ordni u l-kursara li l-Ordni kellha tixtri 120 lsiera permezz ta’ aġenti li kellha fil-Lvant tal-Mediterran. Kellha bżonnhom fuq ix-xwieni għal xogħol ieħor. Sal-1780 l-Ordni kellha kriżi ta’ nuqqas ta’ ħaddiema għax l-ilsiera komplew jonqsu u kellha tixtri numru ta’ lsiera minn Napli.

Minbarra li kienu jaħdmu bilfors għal sigħat twal bla ħlas jew bl-irħis ħafna, l-ilsiera kienu kummerċ tajjeb biex jinbiegħu u jinxtraw fis-swieq tal-Belt Valletta, Alġeri u Istanbul. Eluf ta’ Maltin u Għawdxin ittieħdu lsiera f’pajjiżi oħra. Eluf ta’ lsiera nħatfu minn pajjiżi oħra u nġabu hawn. L-ilsiera kullimkien kienu jġibu prezz skont is-saħħa tagħhom u kemm huma tajbin għax-xogħol.

Biex ma jkunux piż fuq is-sidien tagħhom l-ilsiera li ma kienx għadhom tajba għax-xogħol jew għax xjaħu jew għax mardu kienu jinħelsu jew jinbigħu bi prezz baxx ħafna u jintbagħtu lura arthom. Fl-1631, 1666 u 1672 inħelsu ilsiera għax kienu xjuħ, morda jew immankati.

L-ilsiera kienu wkoll jipprovdu ċertu dħul ta’ flus meta l-familji tagħhom ikunu sinjuri u lesti jħallsu biex jeħilsuhom. Imma xi 5% biss tal-ilsiera kienu jinħelsu b’dan il-mod.

Ħsieb xulxin

Kemm l-Insara kif ukoll il-Misilmin kienu mdaħħlin fil-ħtif u l-kummerċ tal-ilsiera. It-tnejn kienu jagħsruhom biex jieħdu x-xogħol iebes kollu li jistgħu minnhom, l-aktar fuq ix-xwieni, fil-barrieri u fil-bini. Kienu jorbtuhom bil-ktajjen u jtuhom bil-frosta biex jaħdmu, imma fl-istess ħin riedu jżommuhom ħajjin u b’saħħithom kemm jistgħu għax inkella jsiru piż.

F’”A Medical Service for Slaves in Malta during the Rule of the Order of St. John of Jerusalem” (Medical History – Cambridge University Press 1968) Paul Cassar jgħidilna li dawk li jmexxu kienu jaraw li l-ilsiera jkollhom x’jieklu, x’jilbsu u jtuhom kura medika meta hemm bżonn.

L-awtoritajiet Insara u Misilmin tal-pajjiżi ġirien fil-Mediterran kienu f’kuntatt ma’ xulxin dwar kif jistmaw l-ilsiera ta’ xulxin. Jekk naħa tibda taħqar wisq l-ilsiera tan-naħa l-oħra, in-naħa l-oħra tirritalja u tibda taħqar lill-ilsiera tan-naħa l-oħra.

Tliet moskej

Fl-1661 il-Gran Mastru laqa’ t-talba tal-ilsiera Misilmin biex ineħħilhom wieħed minn dawk li kien imexxi t-talb (kienu jsejħulhom papassi, dervis jew marabuti) għax kien ikun dejjem fis-sakra. Kull ħabs fejn bil-lejl kienu bilfors imorru jorqdu l-ilsiera, fl-Isla, fil-Birgu u l-Belt Valletta, kellu l-moskea u l-mexxej tat-talb magħżul mill-ilsiera nfushom.

Fid-9 ta’ Mejju 1585 il-Gran Mastru kien ħareġ ordni li kull ilsir kellu jmur jorqod l-eqreb ħabs tal-lokalità tiegħu. L-Ordni kienet iddeċidiet hekk għax kienet inkwetata li f’każ ta’ invażjoni mill-Ottomani, l-ilsiera kienu jżommu mal-invażuri.

Fi ‘Slavery in the islands of Malta and Gozo ca, 1000 – 1812’ (PEG Ltd. 2002) Godfrey Wettinger jirrakkonta kif l-ilsiera Misilmin u l-Maltin Insaru normalment kien jirnexxielhom jgħixu fil-paċi flimkien anki jekk kienu għedewwa ħorox ta’ xulxin fil-baħar ta’ madwarna.

Isewwu l-moskea

Fit-23 ta’ Novembru 1702 l-Ordni bagħtet ħaddiema tagħha biex bi spejjeż tagħha jissewwa s-saqaf tal-moskea tal-ħabs tal-Isla għax kien fil-periklu li jaqa’ fuq il-ġemgħa miġbura biex titlob. Il-Gran Mastru fehem li l-ilsiera ma kellhomx biżżejjed flus biex isewwu s-saqaf u ma riedx li tiġri xi traġedja.

L-ilsiera Misilmin kienu jitħallew imorru l-moskea jitolbu iżjed ta’ spiss waqt ir-Ramadan u meta jiċċelebraw it-twelid tal-Profeta. Dwar il-ħajja reliġjuża tal-ilsiera Misilmin f’Malta l-Ordni kienet tara li jitħallew jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom u kienet f’kuntatt mal-Bej ta’ Tunis dwar dak li kien meħtieġ biex il-moskej jinżammu mgħammrin tajjeb.

Fl-1 ta’ Settembru 1764 il-Gran Mastru kien ħareġ premju għal min jikxef lil min seraq u ħarbat il-Moskea li sadattant kienet inbniet ma’ ċimiterju għall-Misilmin f’Xatt il-Qwabar fil-Marsa. F’inċident ieħor ġuvintur Maltin li kienu ħarbtu t-talb tal-Misilmin waqt li kienu qed jitolbu kienu ntbagħtu l-ħabs.

Waqt li l-ilsiera kienu jitħallew jipprattikaw ir-reliġjon tagħhom, kien ipprojbit taħlit bejn l-ilsiera Misilmin u l-Insara Maltin. Mhux suppost li kienu jaċċettaw stediniet għall-festi reliġjużi ta’ xulxin.

Mhux suppost li kien ikollhom kummerċ bejniethom jew ikollhom x’jaqsmu sesswalment ma’ xulxin. Iżda fil-fatt kien hemm taħlit ta’ kull tip bejn l-ilsiera Misilmin u l-Insara Maltin.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport