Snin twal ilu, meta ġejt lura Malta wara żmien barra, sibt li kienet kibret sew ix-xewqa fost il-mexxejja tal-pajjiż u tal-impriżi ekonomiċi għal nies li jifhmu xinhu għaddej u kif l-aħjar jitmexxew dipartimenti governattivi u azjendi. Kienet qawwija l-fehma li l-ekonomisti – jiġifieri dawk li studjaw u jifhmu kif ekonomija topera – kellhom jingħataw aktar għarfien u sehem fit-tmexxija. Filfatt il-ħsieb donnu kien li n-nies adatti biex imexxu l-impriżi “ġodda” meħtieġa fil-pajjiż, kienu l-ekonomisti.
Kont insib dil-perspettiva kurjuża, għax kont naħseb – kif ġejt imgħallem naħseb – li l-ekonomisti jispeċjaliżżaw fil-fatturi wiesgħa li jaffettwaw soċjetà nazzjonali: għoli tal-ħajja, tkabbir ekonomiku, tassazzjoni, inċentivi u sussidji, rati tal-kambju. Min-naħa l-oħra, dawk li jmexxu l-azjendi u d-dipartimenti, waqt li jrid ikollhom għarfien ekonomiku, iridu jkunu mħarrġa fl-aspetti tat-tmexxija azjendali – bħall-imġiba organizzattiva, l-kontabilità, il-marketing…
Illum, dak li jissejjaħ management ingħata fostna rikonoxximent dejjem akbar, ġieli superfiċjalment. Biss għalkemm inbidlet, il-mentalità l-antika fostna għadha ħajja.
TRUMP 3
Id-diċeriji dwar kif Donald Trump messu jipprova joħroġ għall-Presidenza Amerikana u jsir President għat-tielet darba ma qatgħux. Issa, l-kostituzzjoni Amerikana tipprojbixxi li persuna tkun President għal tliet termini. Mod kif dan jista’ jsir allura hu billi Trump joħroġ bħala viċi President ma’ persuna li fir-rwol ta’ President, tkun lesta tħallih jiddeċiedi kollox hu. Hekk hemm min qed isostni.
Filfatt dil-ħaġa diġà saret. Għamilha Putin, il-President Russu li meta kellu jaffaċċja regola simili, irranġa ma’ “ħabib” tiegħu biex jaħdmu b’dal-mod. Il-biċċa rnexxiet, fis-sens li Putin għamel żmien bħala l-President “dell” u meta reġa’ wasal iż-żmien għal elezzjoni presidenzjali oħra, reġa’ ħareġ għall-Presidenza – ħaġa li l-kostituzzjoni Russa kienet tippermetti – u tela’.
Hi ħaġa stramba l-konverġenza li donnha (qed) tinħoloq bejn il-prattiċi politiċi tar-Russja u tal-Istati Uniti.
QARI FIT-TUL
Anqas u anqas nies qed isibu ħajra li jaqraw fit-tul. Kollox irid ikun fil-qosor. Dan ifisser li fil-letteratura per eżempju, rumanzi klassiċi tal-aqwa kalibru – bħal ta’ Dostojevskij u Tolstoj – qed isibu anqas u anqas qarrejja. L-istess studenti tal-letteratura qed isibuhom li jitolbu wisq impenn ta’ ħin u attenzjoni biex jinqraw. Aħseb u ara nies oħra…
Dejjem kienet teżisti talba għall-qari fil-“qosor”. Għal deċennji twal, magazine mill-aktar popolari kien ir-Reader’s Digest, li kien jippreżenta biss rapporti u testi letterarji mqassra. Illum, anki l-artikli tiegħu jitqiesu bħala twal wisq. It-tul aċċettabbli hu ta’ x’jidher fuq X u pjattaformi elettroniċi oħra.
Bla dubju, dan l-iżvilupp qed irendi l-ħajja soċjali u kulturali tal-popli arida għall-aħħar.

