Sunday, December 22, 2024

EKONOMIJI

Aqra wkoll

Jekk biex inaqqas id-deficit fil-budget u jiġi konformi mar-regoli Ewropej, il-gvern jistrieħ fuq li jnaqqas l-investiment jagħmel żball. Matul is-snin, daħlet id-drawwa li meta jkollhom isiru l-ekonomiji, dan ta’ spiss jiġri billi jitwaqqfu l-investimenti li fihom mhux se tidħol parteċipazzjoni mill-fondi tal-Unjoni Ewropea.

Biex wieħed ikun ċar, tista’ tgħid li l-membri kollha tal-Unjoni jħaddmu din l-istrataġemma. Hi perikoluża. Għal raġunijiet politiċi, il-kontrolli finanzjarji fuq l-ispiża huma ħafna anqas popolari meta jitħaddmu fuq dik rikorrenti. Ifissru aktar sikkatura u anqas laxkezza, fost oħrajn. Min qed igawdi minnhom se jilmenta.

Mentri ftit jew ħadd ma jilmenta meta l-investimenti ma jsirux. Ħlief imbagħad meta jkun għadda ftit taż-żmien u jinstab li għax l-investimenti baqgħu lura, ċerti bżonnijiet soċjali mhumiex u ma jistgħux jintlaħqu.

MAQTUGĦIN MINN PAJJIŻHOM

Il-ħaddiema barranin f’pajjiżna fil-maġġoranza kbira tagħhom ma ġewx hawn b’kapriċċ. Ġew għax bħan-nanniet u l-bużnanniet tagħna telqu jfittxu x-xogħol ħalli jkunu jistgħu jmantnu lilhom infushom u lill-familji tagħhom.

Min-naħa tagħna, ħallejnihom jiġu – jew aħjar ridnihom jiġu – għax qed jaqdu bżonnijiet li l-Maltin ma jridux jew ma jistgħux jagħmlu.

Maqtugħin kif inhuma minn pajjiżhom, żgur li l-ħaddiema barranin fostna jħossuhom mifruda minn dak kollu li hu familjari u għażiż għalihom f’darhom. Kif kienu n-nanniet u l-bużnanniet tagħna li emigraw. Meta jiltaqgħu flimkien ikunu jistgħu fit-tifkiriet komuni ta’ bejniethom jikkommemoraw il-ħajja li ħallew warajhom.

Stajt nirrifletti fuq dan f’wieħed mill-aħħar Ħdud. F’parti ta’ ġnien publiku minn fejn kont għaddej, inġabar grupp ta’ barranin biex flimkien igawdu piknikk. Fakkruni fl-istejjer li kont nisma’ fl-Awstralja dwar il-laqgħat-fenkati ta’ bejn l-emigranti Maltin tal-imgħoddi.

DEJJEM FI FRANZA

Il-Logħob Olimpiku qed inessi l-qagħda politika fi Franza li mhix sabiħa. Il-Ħames Repubblika qatt ma rat kriżi istituzzjonali bħal din tal-lum. Iċ-ċansijiet li jista’ jitwaqqaf gvern li jsostni xi maġġoranza għat-tul fil-parlament nazzjonali huma minimi. Il-President Macron donnu tilef kull kapital politiku li kellu u forsi spiċċa l-aktar President dgħajjef. Anke l-grupp li jappoġġjah fil-Parlament mhux lest jafdah b’għajnejn magħluqa, jew anke miftuħa.

Forsi wara kollox, Macron għamel l-iżball li wassal sa estrem li mhuwiex vijabbli il-kunċett tal-Ħames Repubblika kif imdaħħal mill-ġeneral de Gaulle, appuntu biex dan li qed jiġri ma jiġrix. Il-President għandu jkun il-fus li madwaru ddur il-ħajja politika. Macron ried jagħmel mill-President “Jupiter” billi jkisser lix-xellug u mbagħad lil-lemin “tradizzjonali”. Ried li jkun bl-appoġġ ta’ kulħadd, waħdu kontra l-lemin estrem. Tassew li spiċċa waħdu, imma bl-appoġġ ta’ ħadd u kontra kulħadd.

Ekonomija

Sport