Saturday, December 28, 2024

Ekonomisti jbassru riċessjoni fl-2023 … oħrajn ibassru rkupru fl-2024

Victor Vella
Victor Vella
Ġurnalist

Aqra wkoll

Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet bdejna naraw ir-rankatura tal-inflazzjoni tikkalma xi ftit, għalkemm ir-rata ta’ inflazzjoni fl-Ewropa u pajjiżi madwar id-dinja baqgħet waħda għolja. Minkejja dan għadd ta’ ekonomisti minn madwar id-dinja qegħdin ibassru riċessjoni matul is-sena 2023.  Il-gwerra fl-Ukrajna, flimkien ma’ ekonomniji kbar li qegħdin iħossu l-piż ta’ l-inflazzjoni bħal dik fil-Ġermanja, qegħdin iwasslu biex huma diversi dawk l-ekonomisti li qegħdin ibassru li d-dinja trid ferm  aktar żmien minn dak li kien imbassar biex finalment l-inflazzjoni tkun taħt kontroll.  Waqt li kienu diversi dawk li matul ix-xhur li għaddew semmew il-possibilità ta’ riċessjoni, rapporti u stħarriġ ġodda qegħdin jitfgħu sinjali negattivi. Sinjal negattiv u li jaffettwa sew lil pajjiżna hu dak li nħareġ mill-Ġermanja fejn minn tbassir ekonomiku li ħareġ wera li hemm pessimiżmu fost is-settur kummerċjali, tant li dawn qegħdin jgħidu li se jkun hemm għadd ta’ kumpaniji li se jkollhom inaqqsu l-impjegati minħabba ż-żieda fl-inflazzjoni b’mod partikolari iż-żieda fil-prezzijiet.

Ekonomista li tkellem ma’ IT-TORĊA qalilna li “s-sitwazzjoni li għandna bħalissa fl-Ewropa hi dik li l-inflazzjoni ikkalmat. Għandek iżda diversi pajjiżi li qegħdin jitkellmu fuq pjani u xi wħud bdewhom ta’ tassazzjoni fuq profitti eċċessivi u anke qed jistmaw kemm se jdaħħlu minnhom. Rajna anke l-Kummissjoni Ewropea titkellem dwar dan u issa anke inbdew proċeduri minn kumpaniji fil-qasam taż-żejt dwar dan l-intaxxar ta’ dawk li qed jissejħu profitti eċċessivi. Din hi s-sitwazzjoni, fejn mhux eskluż li aktar pajjiżi se jkunu qed jimxu fuq din il-linja u dan ukoll jaffettwa l-andament ekonomiku. Fl-aħħar ġimgħat u jiem  kien hemm diversi rapporti li tkellmu fuq is-sena 2023 u t-tbassir ma kienx wieħed pożittiv. Fost dawn kien hemm tbassir li lilna bħala pajjiż jinteressana. Dan hu dak tal-Ġermanja. Sar stħarriġ mill-German Economic Institute fost industriji u negozji. F’dan l-istħarriġ ħareġ li ħafna kumpaniij qegħdin jistmaw li se jkunu qegħdin inaqqsu l-ħaddiema u jnaqqsu l-investiment li huma kellhom għas-sena 2023. Iddikjaraw li se jkunu qegħdin jagħmlu dan minħabba żieda fil-prezzijiet tal-enerġija.  In-negozji fil-Ġermanja qegħdin juru li t-tama li jirkupraw mill-effett tal-Covid19 tista’ tgħid sfumat fix-xejn bil-gwerra fl-Ukrajna.”  

Jgħidilna li “wieħed ma jridx jinsa li meta r-Russja qatgħet l-esportazzjoni tal-gass, il-Ġermanja kienet sfurzata tħallas prezzijiet ferm u ferm ogħla biex timporta l-enerġija. Issa llum kumpaniji u industriji, huma pessimisti dwar kemm il-livell ta’ prezzijiet se jmur lura għal kif kienu qabel. Mill-istħarriġ tal-German Economic Institute, jirriżulta li minn grupp ta’ 49  settur li jirrappreżentaw oqsma diversi 30 grupp jemmnu li l-membri tagħhom se jkollhom inaqqsu l-produzzjoni fis-sena 2023, waqt li huma 13 biss li jaħsbu li se jżidu l-produzzjoni. Kien hemm 16-il grupp li qegħdin jipprevedu li se jispiċċaw inaqqsu l-impjegati u kienu disa’ gruppi biss li qegħdin jaraw żieda fil-ħaddiema.”

Jekk wieħed jara x’intqal b’rabta ma’ dan l-istħarriġ issib li d-Direttur tal-German Economic Institute, Michael Huether qal li jidher li l-agħar tal-inflazzjoni għadda u dan wara li l-inflazzjoni naqset għal 10 fil-mija. Biss hu jgħid li l-inflazzjoni hi prevista li tibqa’ fil-livell ta’ sitt fil-mija jew aktar din is-sena.  “Żewġ terzi tal-inflazzjoni hi importata u meta tkun  hekk il-Bank Ċentrali ma jistax jaġixxi b’mod malajr jew b’mod faċli”.

L-istess ekonomista jgħidilna li “ma’ dan l-istħarriġ imbagħad għandek stħarriġ ieħor li sar mill-Federazzjoni tal-Industrija fil-Ġermanja u mill-Assoċjazzjoni  tal-Kamra tal-Industrija u l-Kummerċ fil-Ġermanja. Dan qed juri li kumpaniji u industriji fil-Ġermanja qegħdin jistennew reċessjoni fis-sena 2023. Il-President tal-Federazzjoni tal-Industrija Siegfried Russwurm filfatt qal li ‘l-aħħar kwart tas-sena 2022 u l-bidu tas-sena 2023 aktarx li se jkunu akkumpanjati minn tnaqqis fl-attività ekonomika. Nistennew tnaqqis mhux daqstant kbir.”

F’Malta….’nistenna tnaqqis fil-konsum’… ir-rati tat-trasport bil-baħar qed jersqu għal kif kienu 

L-istess ekonomista qalilna li  “jekk nieħdu s-sitwazzjoni f’pajjiżna naraw li l-inflazzjoni naqset bi ftit fl-aħħar xahrejn tas-sena. Għal Diċembru hu stmat li se tkun qed tonqos ftit aktar.  Il-kwistjoni kollha se ddur ma’ kif se jaġixxu in-nies. Qed ngħid dan għax in-nies għadhom qegħdin jaraw u jesperjenzaw żidiet fil-prezzijiet ta’ prodotti tal-ikel u servizzi. Irridu nistaqsu dan x’effett se jkollu?  Se jonqos il-konsum? Naħseb li ċerti setturi diġa qegħdin jaraw dan. Il-kwistjoni hi kemm se jkun dan it-tnaqqis għax dan ma jaffettwax biss lin-negozji iżda jaffettwa ukoll id-dħul tal-gvern.  Għandna min f’pajjiżna ħa opportunità mill-kwistjoni tal-inflazzjoni u żied sew il-prezzijiet. Qed nitkellem kemm għal xi negozji li jbiegħu prodotti u anke għal servizzi. Dan jista’ jkollu impatt negattiv fuq ix-xejra tal-konsumaturi u l-infieq”.

L-istess ekonomista qalilna li “kien hemm żmien meta bdejna ħerġin mill-Covid19 fejn ir-rati tat-trasport bil-merkanzija bil-baħar kienu għolew bil-kbir minħabba li d-domanda kienet bdiet tiżdied u ma kienx hemm kontejners biżżejjed. Issa fl-aħħar ġimgħat rajna li l-prezzijiet reġgħu kważi għal li kienu. Huma ftit għola. Dan ifisser li llum l-impatt li kienu ħallew il-prezzijiet tal-ġarr bil-baħar mhux hemm.  Imma dan irrifletta ruħu fil-prezzijiet ta’ xi prodotti li rajnihom jogħlew b’mod qawwi fl-aħħar ġimgħat?”, jistaqsi l-ekonomista.

It-turiżmu għandu jgħin

Mistoqsi dwar is-settur turistiku u l-impatt tiegħu għal din is-sena, l-ekonomista qalilna li “għalkemm uffiċjalment għadhom ma ħarġux l-ammonti ta’ kemm ġew turisti matul is-sena li għaddiet, il-previżjonijiet huma li sa l-aħħar tas-sena li għaddiet se jkunu ġew  f’Malta madera żewġ miljun u tlett mitt elf turist. Ngħid li hu pożittiv li llum pajjiżna m’għadux ibiegħ lil Malta għas-sajf biss, imma t-turiżmu sar is-sena kollha. Jekk naraw is-swieq hu interessanti ħafna kif hemm suq ġdid li qed jikber sew għal pajjiżna. Apparti s-suq Ingliż, Taljan, Franċiż u Ġermaniż, hemm is-suq Pollakk li kiber sew fi żmien qasir. Li nara interessanti ħafna fis-suq turistiku u din qed narawha issa wara l-Covid19, hi dik li matul din is-sena mill-istatistika li għandna jirriżulta li żdiedu bil-kbir it-turisti li ġejjin minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea. Filfatt waqt li t-turisti li ġejjin minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea  kellhom tnaqqis ta’ madwar 700,000 turist matul l-10 xhur tas-sena 2022, dawki li ġejjin minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea żdiedu b’200,000 turist. Dan hu indikatur minnu nfih li għandna settur turistu b’saħħtu u li m’hemmx dubju li matul din is-sena se jġib riżultati tajbin”.

Il-Fond Monetarju Internazzjonali u l-OECD qed ibassru tkabbir żgħir ekonomiku għas-sena 2023

Intant waqt li diversi ekonomisti qegħdin ibassru riċessjoni, fejn fl-Ewropa l-aktar li qegħdin jissemmew huma l-Italja u l-Ġermanja, l-aġenzija S&P qed tbassar staġnar għaż-żona Ewro matul is-sena 2023.

Imbagħad hemm istituzzjonijiet bħall-Fond Monetarju Internazzjonali (IMF) li qed jipprevedi li l-ekonomija dinjija matul is-sena 2023 se tikber bir-rata ta’ 2.7 fil-mija. L-OECD qed ibassar tkabbir ta’ 2.2 fil-mija. 

Fl-aħħar jiem kien hemm dikjarazzjonijiet bħal dik li għamel Kay Daniel Neufeld, Direttur u Kap tat-Taqsima tat-Tbassir tas-Center for Economics and Business Research, li qal li “hu probabbli li l-ekonomija dinjija tiffaċċja reċessjoni matul din is-sena u dań l-aktar minħabba rata qawwija ta’ inflazzjoni u żieda fir-rati ta’ interessi.”

X’jista’ jwassal biex isseħħ ir-riċessjoni?

L-ekonomista fil-kummenti lil IT-TORĊA qalilna li quddiem dak li qed jingħad, wieħed irid jara diversi fatturi ta’ x’jista’ jwassal biex ikollna riċessjoni, jiġifieri fejn it-tkabbir ekonomiku għal darbtejn wara xulxin mhux jikber iżda jonqos.

L-ekonomista jgħidilna li “hemm diversi fatturi li wieħed irid jikkunsidra u li b’xi mod jistgħu jiddeterminaw ir-riċessjoni. Fost dawn hemm il-kwistjoni taċ-Ċina u l-għeluq mill-ġdid li kien hemm minħabba l-Covid19, il-prezzijiet tal-enerġija u fuq kollox kif se jirreaġixxu l-Banek Ċentrali. Jekk nieħdu l-Banek Ċentrali naraw li dawn sa issa għad m’għandhomx ħjiel ċar ta’ kemm se jkunu qegħdin jogħlew ir-rati ta’ interessi u kemm se jinżammu f’dak il-livell u dan biex l-inflazzjoni terġa’ tinġab għal livell ta’ 2 fil-mija.  Jekk il-prezzijiet se jkomplu jogħlew, jistgħu jwasslu biex il-Banek Ċentrali ikunu aktar aggressivi u jkomplu jżidu ir-rati ta’ interessi. Dan ma jagħmel xejn ħlief iżid il-pressjoni fuq l-ekonomija dinjija”.

L-istess ekonomista jgħidilna li “għandek ukoll is-sitwazzjoni fiċ-Ċina fejn minħabba l-Covid19 reġgħu iddaħħlu diversi restrizzjonijiet. Kien hemm protesti minn nies u issa dawn qegħdin jitneħħew.  Il-ftuħ mill-ġdid jista’ jwassal għal tkabbir, imma dan fih riskji ukoll. Waqt li ċ-Ċina qed tipprepara biex terġa’ tiftaħ, hemm pajjiżi li qed jibżgħu minn xi mewġa ġdida ta’ varjanti u dawn qed jippjanaw restrizzjonijiet għal min ikun ġej miċ-Ċina.”

Jgħidilna ukoll li “ma nistgħux ma nsemmux il-prezzijiet tal-enerġija. Kellek dikjarazzjoni bħal dik tal-International Energy Agency li wissiet li l-Ewropa tista’ tispiċċa bla gass naturali fis-sena 2023 jekk ir-Russja taqta l-esportazzjoni tal-gass. Teżisti l-possibilità li jkun hemm żieda fil-prezzijiet tal-enerġija minħabba l-prezz taż-żejt”.

Jekk nieħdu x’qal Guillaume Menuet, Kap ta’ l-istrateġija ta’ investiment  fl-Ewropa, l-Afrika u l-Lvant Nofsani ta’ Citi Private Bank, naraw li dan qed ibassar li d-dinja se tgħaddi mill-inqas tkabbir ekonomiku fl-aħħar 40 sena, apparti s-sena 2020 u dik ta’ 2007 – 2008 meta seħħet il-kriżi finanzjarja. 

Intant il-Bank Ċentrali fl-aġġornament ekonomiku tiegħu għal Diċembru, qal li f’Ottubru, kien hemm tnaqqis fil-permessi maħruġa għal bini kummerċjali meta mqabblin mal-livelli ta’ sena ilu, filwaqt li żdiedu l-permessi maħruġa għal bini residenzjali. F’Novembru, kemm in-numru ta’ konvenji u kif ukoll dak tal-kuntratti ta’ bejgħ naqas meta mqabbel ma’ sena ilu. 

Kompla jgħid li “r-rata annwali tal-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi Armonizzat tal-Prezzijiet għall-Konsumatur (HICP) kienet fil-livell ta’ 7.2% f’Novembru, marġinalment taħt 7.4% rreġistrata fix-xahar ta’ qabel. L-inflazzjoni bbażata fuq l-Indiċi tal-Prezzijiet bl-Imnut (RPI) naqset ukoll mix-xahar ta’ qabel għal 7.1% f’Novembru, minn 7.5% f’Ottubru. F’Ottubru 2022, il-Fond Konsolidat irreġistra defiċit iżgħar meta mqabbel ma’ sena qabel, hekk kif id-dħul tal-Gvern żdied b’ritmu iktar mgħaġġel mill-infiq.”

Il-Bank Ċentrali qal ukoll li “t-tkabbir annwali fid-depożiti ta’ residenti żdied b’rata inqas mgħaġġla ta’ 6.8% f’Ottubru. Sadattant, it-tkabbir annwali fil-kreditu mir-residenti f’Malta batta wkoll għal 8.1%. Sal-aħħar tax-xahar, taħt l-Iskema ta’ Garanzija relatata mal-COVID-19 tal-Bank Malti ta’ Żvilupp (MDB), kien hemm 622 faċilità approvati u li għadhom pendenti. Dawn jissarrfu f’ammont totali ta’ €482.6 miljun. Sa Ottubru ġew approvati tliet faċilitajiet ta’ self permezz tal-iskema ġdida ta’ self issussidjat tal-MDB immirata lejn importaturi u bejjiegħa bl-ingrossa tal-qamħ u l-għalf tal-annimali, bl-ammont ta’ self totali ssanzjonat jkun ta’ €14.2 miljun. B’kuntrast ma’ dan, l-ebda faċilità ma ġiet approvata taħt l-Iskema ta’ Appoġġ Garantit ta’ Likwidità (LSGS) tal-MDB imnedija b’reazzjoni għall-kriżi fl-Ukrajna.”

Ekonomija

Sport