Tuesday, April 30, 2024

“Qegħdin nimxu lejn dittatorjat tar-relattiviżmu”

Kwotazzjoni mill-aktar importanti ta’ Papa Benedittu XVI

Aqra wkoll

“Qegħdin nimxu lejn dittatorjat tar-relattiviżmu li ma jagħraf xejn bħala definittiv u li għandu bħala l-ogħla valur l-ego u x-xewqat tiegħu stess”.  “Il-verità mhix determinata b’vot ta’ maġġoranza”.   Dawn huma żewġ kwotazzjonijiet  importanți li kien għamel Papa Benedittu XVI fuq ir-relattiviżmu li prattikament tfisser li m’hemmx verità assoluta.  Kwotazzjonijiet li kienu diversi li ddiskutew dwarhom u se jibqgħu ikunu diskussi. Ilbieraħ, l-istess kwotazzjonijiet tqanqlu mill-ġdid, hekk kif filgħodu tħabbret il-mewt ta’ Papa Benedittu XVI. 

Wieħed ma jistax ma jirrimarkax li l-Papa Benedittu XVI, kien ħasad lill-Kattoliċi meta fi Frar tas-sena 2013 kien irriżenja minn Papa. Kien ħasad għax għal ammont kbir ta’ snin, il-Papa kien jibqa’ sakemm jieħu l-aħħar nifs. 

Ta’ min jgħid li f’Sacramentum Caritatis, eżortazzjoni appostolika li nħarġet fis-sena 2007, hu kien enfasizza l-prinċipji mhux negozjabbli tal-liġi morali li huma l-ħajja umana mill-konċepiment għall-mewt naturali, iż-żwieġ, il-libertà li teduka lit-tfal u l-promozzjoni tal-ġid komuni. Matul it-tmexxija tiegħu kien faqqa’ l-iskandlu ta’ abbużi sesswali minn membru tal-kleru fl-Irlanda u f’pajjiżna hu kien iltaqa’ ma’ grupp ta’ persuni li kienu ġew abbużati minn membri tal-kleru metą kienu tfal.  Kien il-Papa li ma ddejjaqx jitlob maħfra bħala Kap tal-Knisja fosthom meta nħareġ rapport indipendenti li kkritikah għal kif mexa f’erba’ każi ta’ abbużi sesswali minn membri tal-kleru metą hu kien Arċisqof ta’ Munich fil-Ġermanja. 

L-Arċisqof ta’ Malta Charles Scicluna f’messaġġ  qal li “b’sens ta’ gratitudni kbira nsellmu l-memorja tal-Papa Emeritus Benedittu XVI. Aħna bħala Maltin mhux biss niftakru fl-imħabba qawwija li kellu Benedittu XVI għall-pajjiżna, imma wkoll żewġ avvenimenti importanti li huma parti essenzjali tal-istorja,” stqarr l-Arċisqof. Fakkar fil-kanonizzazzjoni fl-2017 ta’ Dun Ġorġ Preca, b’mod partikulari t-talba tiegħu bil-Malti “San Ġorġ Preca itlob għalina. Fakkar ukoll fis-sena 2010 meta Benedittu XVI ġie f’Malta.

Sport