Saturday, May 4, 2024

Eks champion tad-dinja tad-darts  jintbagħat sentejn ħabs talli aggredixxa mara sesswalment

Aqra wkoll

L-eks champion tad-dinja tad-darts, Ted Hankey, intbagħat sentejn ħabs talli aggredixxa sesswalment mara.

Fil-Qorti ta’ Chester Crown instema’ kif ir-raġel ta’ 54 sena żamm liż-żagħżugħa u attakkaha sesswalment. 

L-Imħallef Steven Everett  qal li Hankey kien ikompli jiċħad ir-reat “sa l-aħħar” kieku l-attakk ma nqabadx fuq filmat.

Fil-Qorti ntqal li d-darbtejn champion tad-dinja tad-darts kien “ċaħad b’mod ċar” kull att ħażin u “esprima dubji” għall-allegazzjoni meta ġie arrestat għall-ewwel darba.

Madankollu, huwa waqaf jitkellem u rrifjuta li jwieġeb aktar mistoqsijiet meta l-investigaturi qalulu li l-attakk kien inqabad bil-kamera.

Simon Parry, li kien l-uffiċjal prosekutur kontra l-imputat, qal li: “Hu ċaħad b’mod ċar kull aġir ħażin, u esprima stagħġib li kien arrestat u ma kienx jaf għaliex il-mara kienet qed tallega dan l-att.”

Il-filmat ġie muri lill-imħallef wara li l-pubbliku u l-istampa ġew mitlubin joħorġu barra mill-awla.

Hankey, minn Stoke-on-Trent, wieġeb ħati f’seduta preċedenti fejn kien akkużat b’attakk sesswali fl-10 ta’ Settembru tas-sena l-oħra.

Mal-għoti tas-sentenza, l-Imħallef Everett qallu: “Int ġenwinament emmint li ħadd ma kien se jemmen lill-mara, sakemm ġejt muri l-provi li stabiliexxew mod ieħor.

Il-vittma ‘żviluppat PTSD’

Fil-Qorti nqrat ukoll stqarrija dwar l-effett li ħalla l-każ fuq il-vittma, li ddeskriviet kif il-mara issa qed issofri tbatija kontinwa u attakki ta’ paniku.

Żiedet tgħid: “Bħala riżultat ta’ dan ir-reat nemmen li żviluppajt PTSD. Dan ir-reat kellu impatt kbir fuq is-saħħa mentali tiegħi. Jiena għandi nuqqas kbir ta’ fiduċja fl-irġiel. Insibha diffiċli ħafna li jkolli xi kuntatt fiżiku ma ‘oħrajn.”

Mark Connor, li kien qed jiddefendi lill-mara, talab sentenza ta’ ħabs sospiża, u qal li l-attakk kien wieħed “opportunist” u li Hankey kien ammetta r-reat u ried jiskuża ruħu għall-imġiba tiegħu.

Iżda l-Imħallef Everett wieġeb: “Kieku ma kienx iffilmjat, kien jiċħadha sal-aħħar.”

Imlaqqam “Il-Konti”, Hankey rebaħ il-Kampjonat Dinji BDO fl-2000 u l-2009. Martu kienet bdiet proċeduri biex tieħu d-divrzju u lanqas uliedu ma jridu ebda kuntatt miegħu.

Sport