L-eks plejer tal-Premier League Malti Sunday Ikechukwu Eboh instab ħati ta’ ħasil ta’ flus b’rabta ma’ każ ta’ frodi romantiku u kien ikkundannat tliet snin ħabs. Huwa ġie mmultat ukoll €20,000.
Eboh kien parti minn grupp ta’ rġiel min-Niġerja u mara Maltija, li ġew akkużati li qarrqu b’mara anzjana u ħadulha mat-€58,000, wara li ġiet imħajra għal relazzjoni virtwali li wara rriżultat li kienet falza.
Matul il-jum tat-Tnejn, il-Qorti kkundannat ukoll persuni oħra involuti f’dan il-każ. Tony Ogbonna Anuforo kien ikkundannat 28 xahar ħabs u ordnat sabiex iħallas lill-vittma s-somma ta’ €15,400 fi żmien sitt xhur.
Eboh u Anuforo kienu kkundannati wkoll biex iħallsu kull wieħed €2,572 fi spejjeż tal-Qorti. Dan filwaqt li l-proprjetajiet tagħhom ġew ikkonfiskati favur il-Gvern ta’ Malta.
Fis-sentenza tagħha, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ħeġġet lill-uffiċjal prinċipali tal-immigrazzjoni biex jeżerċita s-setgħat tiegħu ladarba l-ħatja jkunu skontaw is-sentenza tagħhom.
Sadanittant, Alexandra Pace nstabet ħatja tali għamlet dikjarazzjoni falza u li kienet riċediva filwaqt li kienet meħlusa mir-reati l-oħra kollha. Hija kienet ikkundannata għal multa ta’ €200.
Finalment, il-Qorti ordnat lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex ikompli bl-investigazzjonijiet tiegħu biex jiġi identifikat raġel ieħor allegatament involut f’dan l-iscam.