Thursday, April 25, 2024

Dħul medju ta’ 6.1% li jinżel sa 2.9% għal dawk li jikru 

Studju kummissjonat mill-ACE jikkonferma sfidi kbar fl-industrija u t-triq ’il quddiem

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-ispejjeż tal-pagi tal-ħaddiema u x-xiri tal-materja prima huma l-aktar li qegħdin jaffettwaw id-dħul tal-istabbilimenti tal-ikel. Dan ħareġ minn studju li sar mill-Istatistiku Dr Vincent Marmarà u kumissjonat mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-catering (ACE). Dan l-istudju kien jinkludi 400 parteċipant li kienu mistoqsijin rigward in-nefqiet tagħhom ikkumparati mal-bejgħ li huma jagħmlu. Il-parteċipanti kienu fil-maġġoranza tagħhom sidien ta’ ristoranti, iżda inklużi kien hemm ukoll Take Away, Bars, Snack Bars u Kiosks fost l-oħrajn.

In-nefqa medja tal-pagi ta’ dawk li rrispondew qalu li din tammonta għal 26.6 fil-mija tad-dħul tagħhom. Ix-xiri tal-materja prima hija għadma oħra iebsa għal dawn l-istabbilimenti hekk kif din qiegħda tnaqqar medja ta’ 20 fil-mija tad-dħul. Minbarra dawn l-ispejjeż, l-istudju jidentifika spejjeż oħra bħalma huma x-xiri tax-xorb, tariffi tal-utilità bħalma huma l-elettriku u l-ilma, kirjiet u tqassim tal-ikel li qegħdin ikomplu jnaqqru medja ta’ 17.4 fil-mija, 7.7 fil-mija, 6.3 fil-mija u 1.5 fil-mija rispettivament.

Lejn sitwazzjoni ta’ min hu l-aqwa jħawwel?

Fl-ispjegazzjoni tiegħu l-analista finanzjarju Alan Abela qal li bit-tnaqqis ta’ dawn l-ispejjeż kollha, mingħajr iżda ma wieħed jinkludi l-VAT, taxxi oħrajn u spejjeż finanzjarji oħra, is-sidien qegħdin jispiċċaw b’medja ta’ 6.1 fil-mija tad-dħul fil-bwiet tagħhom. Madanakollu dan il-persentaġġ jista’ jinżel sa 2.9 fil-mija għal dawk is-sidien li jikru. Abela kompla biex jgħid li s-sitwazzjoni ekonomika tal-pajjiż trid tiġi kkundsidarata inkluża inflazzjoni li qiegħda tikkawża sfidi għas-sidien meta jmorru fuq il-fornitur. Huwa kompla biex jispjega li inflazzjoni għolja twassal ukoll għal inqas flus fil-but fejn jidħol il-konsumatur lokali u li jekk il-familja qiegħda tbati finanzjarjament se jkollok il-ħaddiem li fl-aħħar mill-aħħar se jdur fuq min iħaddmu biex jitlob żieda. Mistoqsi rigward il-futur tal-induatrija, Abela qal li filwaqt li huwa kontra li jkun hemm regolatur li jgħid li għandna biżżejjed stabbilimenti ta’ dan it-tip, huwa fattwali li l-ispejjeż kibru u li se jkollna sitwazzjoni ta’ min hu l-aqwa jħawwel. 

“Jekk tippersisti l-inflazzjoni, l-konsumatur lokali se jkollu jnaqqas fi proċess naturali”

Min-naħa tiegħu l-ekonomista Clint Flores qal li l-industrija tinsab f’sitwazzjoni li m’hemmx bżonn ta’ iktar spjegazzjoni fejn jidħol id-dħul u li biex il-konsumatur lokali jkompli jiekol barra f’dan l-istadju qiegħed ikollu jnaqqar minn dak li seta’ faddal qabel. Huwa żied jelabora li jekk l-inflazzjoni se tibqa’ tippersisti se naslu għal proċess naturali fejn il-konsumatur lokali jkollu jnaqqas min-nefqa tiegħu. Flores kompla ma’ dak li qal Abela rigward is-suq kompetittiv u qal li huwa wkoll jara futur fejn l-aqwa se jirnexxielu jgħix.

“Jeħtieġ ninqatgħu mill-perċezzjoni żbaljata li s-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti qishom xi magna tal-flus”

L-analista finanzjarju Steve Ellul qal li l-element kruċjali f’dan kollu għandu jkun jekk il-profitti tal-futur humiex se jkunu sostenibbli. Huwa kkjarifika dwar il-perċezzjoni żbaljata ta’ bosta persuni li jaħsbu li s-sidien ta’ dawn l-istabbilimenti huma bħal magna tal-flus mingħajr ma jikkunsidraw l-ispejjeż u s-sagrifiċċji fit-tmexxija ta’ tali negozji. Huwa qabel ukoll rigward l-inflazzjoni u l-pressjoni qawwija li qiegħda toffri fuq dawn in-numri pubblikati fl-istess studju ta’ Dr Marmarà.

Ellul qal li ħafna sidien qegħdin jippruvaw jirrinovaw u joħolqu kunċetti ġodda u żied jgħid li l-esperjenza hija kruċjali. Saħaq dwar il-bżonn tal-awtentiċità tas-servizz li jkollna l-aħjar nies li jservu lill-klijenti. F’dan ir-rigward huwa qal li konxju dwar il-problema tar-riżorsa umana, però hemm bżonn tal-upskilling tal-ħaddiema. Għandna ħafna ħaddiema tajbin li ma jidhrux, iżda oħrajn li jeħtieġ li jtejbu l-kwalitajiet tagħhom biex il-prodott tajjeb ikun jista’ jiġi reklamat bl-aħjar esperjenza possibbli.

Mistoqsi dwar il-kwalità tal-ħaddiema fl-istabbilimenti, Ellul qal li l-amor proprju f’dan ix-xogħol tmur lil hinn minn jekk intix Malti jew barrani u saħħaq l-argument tiegħu b’eżempju ta’ ristorant li juża prinċiparjament ħaddiem barrani biex iservi lill-klijenti, li però joffri servizzi b’passjoni li huwa rikonoxxut sew mill-klijentela. Huwa qal li ma jemminx li hawn sidien li qegħdin iħallsu l-paga minima u jekk stess jeżistu dawn huma l-aktar li qegħdin ibatu fl-aħħar mill-aħħar. Fejn jidħlu fondi Ewropej u l-burokrazija wara dawn l-għajnuniet, Ellul qal li sar xogħol biex dawn il-fondi jistgħu jiġu aċċessati anke minn sidien ta’ stabbilimenti iżgħar li qabel ma kinux eleġibbli.

“Ċifri li jixxukkjawk” 

Min-naħa tiegħu l-membru parlamentari Nazzjonalista Ivan J Bartolo qal li huwa jinsab ixxukkjat b’dawn iċ-ċifri u żied jgħid li filwaqt li qatt ma kien involut b’mod dirett, issa li jaf x’inhi s-sitwazzjoni aktar u aktar ma jitħajjarx jidħol fl-industrija. Huwa nnota li kemm l-ACE kif ukoll il-Partit Nazzjonalista kien issuġġerixxa li l-VAT jonqos għal 7 fil-mija. “Fl-aħħar mill-aħħar kulħadd jiftaħ jew imexxi stabbiliment biex iżid il-profitt. Mistoqsija oħra għandha tkun jekk l-istabbiliment tiegħi iħalli €100,000 fi dħul, hemm bżonn analiżi ta’ minn fejn ġej dan u jekk huwiex ġej mill-konsumatur lokali jew mit-turist. Jekk dan ġej mil-lokal, għandek il-mistoqsija ta’ fejn sejrin jekk l-inflazzjoni se tibqa’ tippersisti”, kompla l-MP Nazzjonalista filwaqt li aċċenna għal spejjeż addizjonali bħalma huwa r-reklamar li llum sar inevitabbli minħabba l-kompetittività li teżisti. Filwaqt li sostna dwar il-bżonn tal-upskilling, huwa qal li jeħtieġ li nassiguraw li l-konsumatur ikollu l-flus fil-but biex ikun jista’ jaffordja juża s-servizz ta’ dawn l-istabbilimenti u fejn jidħol it-turist, importanti li nattiraw turist li verament lest li jħallas għall-esperjenza.

“Fejn marru l-platti lokali?”

Il-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo saħaq dwar il-bżonn li l-istabbilimenti jiffukaw fuq l-awtentiċità tal-prodott tagħhom. Huwa saħaq li minbarra li jitkellmu dwar l-isfidi li qed jaffaċċjaw, is-sidien jeħtieġ li jagħmlu l-parti tagħhom fejn skontu mhix xi ħaġa sabiħa li jkollok ħames stabbilimenti tal-ikel ħdejn xulxin li qed joffrulek l-istess Menu. Il-Ministru Bartolo staqsa fejn marru platti lokali bħalma huma s-soppa tal-armla u l-braġjoli filwaqt li ma naqasx milli jitkellem dwar nuqqasijiet oħra bħalma huma stabbilimenti; li għalkemm huma waħdiet, qegħdin iħallu dell ikrah fuq il-bqija minħabba li mhux qegħdin jagħtu valur għan-nefqa tal-kljent bi prezzijiet esaġerati u nuqqas ta’ kwalità fost l-oħrajn.

Sport