Albaniż ta’ 25 sena baqa’ jinżamm arrestat wara li tressaq fil-Qorti mixli li rreżista l-arrest wara li l-pulizija allegatament qabduh isuq waqt li kien taħt l-influwenza tal-alkoħol.
Iridjon Zotaj, li jaħdem fil-kostruzzjoni u huwa residenti Ħal Luqa, ġie mixli b’disa’ akkużi b’rabta ma’ inċident li seħħ fi Triq l-Imdina, Ħal Qormi, fis-sigħat bikrin tal-Ħadd filgħodu.
L-akkużi miġjuba kontrih jinkludu li insulta, hedded u ħebb għal ħames uffiċjali tal-pulizija, li saq mingħajr liċenzja valida jew polza t’assigurazzjoni u li allegatament saq taħt l-influwenza tax-xorb. Huwa kien mixli wkoll li kiser il-paċi pubblika.
Zotaj wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontrih, u saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu. Id-Difiża argumentat li jekk l-imputat jiġi miċħud mill-ħelsien mill-arrest, dan jista’ jipperikola l-għajxien tiegħu.
Min-naħa l-oħra, l-Ispettur James Mallia, insista li l-inċident m’għandux jitqies sempliċiment bħala sensiela ta’ ksur ta’ regolamenti tat-traffiku. Huwa saħaq li r-reżistenza vjolenti għall-arrest iġġorr magħha piena ta’ priġunerija ta’ bejn sena u erba’ snin.
L-Ispettur saħaq ukoll li Zotaj allegatament kien qed isuq b’livell ta’ alkoħol li kien seba’ darbiet ogħla mil-limitu legali. Huwa argumenta li l-inċident kollu seta’ jiġi evitat kieku Zotaj obda l-istruzzjonijiet tal-pulizija.
Id-Difiża qalet li, fortunatament, ħadd mil-ħames uffiċjali ma sofra xi ġrieħi, waqt il-konfrontazzjoni.
Madankollu, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur James Mallia waqt li l-Avukati Alexandr Boichuk u Mario Buttigieg dehru għall-imputat.

