Gvern Lokali aktar b’saħħtu: Mill-kliem għall-azzjoni

Aqra wkoll

Jikteb Mario Fava

Il-Gvern Lokali f’Malta jinsab f’mument importanti fejn irridu niddeċiedu jekk irridux inkomplu nħarsu lejn il-Kunsilli Lokali bħala strutturi amministrattivi li jwieġbu għall-problemi ta’ kuljum, jew jekk verament irridux nagħtuhom ir-rwol, l-għodod u r-riżorsi meħtieġa biex ikunu protagonisti fit-tfassil tal-futur tal-komunitajiet tagħna.

Din mhijiex sempliċement kwistjoni ta’ aktar fondi jew ta’ tibdil fil-leġiżlazzjoni. Hija kwistjoni ta’ viżjoni, ta’ fiduċja fl-istituzzjonijiet lokali u, fuq kollox, ta’ rikonoxximent li l-kwalità tal-ħajja tar-residenti tiddependi wkoll minn kemm il-Gvern Lokali jkun kapaċi jaġixxi b’mod effettiv, responsabbli u fil-ħin.

Kien proprju dan l-ispirtu li mexxa d-diskussjonijiet matul il-Laqgħa tas-Sindki organizzata mill-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali fit-13 u l-14 ta’ Novembru f’Għawdex.

Matul dawn il-jumejn, is-Sindki kellhom l-opportunità jiddiskutu b’mod miftuħ ir-realtajiet li qed jaffaċċjaw fil-lokalitajiet tagħhom, jaqsmu esperjenzi u jesprimu t-tħassib tagħhom dwar numru ta’ sfidi li, minkejja li ilhom jinħassu, għadhom jeħtieġu soluzzjonijiet konkreti.

Id-diskussjonijiet ma waqfux mal-problemi. Għall-kuntrarju, wasslu għall-approvazzjoni ta’ ħames proposti importanti li, fil-fehma tiegħi, jistgħu jkunu l-pedament għal fażi ġdida ta’ tisħiħ tal-Gvern Lokali.

Is-Sindku: responsabbiltà li titlob impenn kontinwu

Waħda mill-aktar deċiżjonijiet sinifikanti kienet dik li s-Sindki jingħataw l-għażla li jaqdu l-kariga tagħhom fuq bażi full-time.

Illum, ir-rwol tas-Sindku huwa ferm differenti minn dak li kien meta twaqqfu l-Kunsilli Lokali. Ir-responsabbiltajiet kibru, il-leġiżlazzjoni saret aktar kumplessa, l-aspettattivi tar-residenti żdiedu u l-ħtieġa ta’ koordinazzjoni ma’ diversi entitajiet saret parti essenzjali mill-ħidma ta’ kuljum.

Madankollu, għad għandna Sindki li jridu jwettqu dawn ir-responsabbiltajiet wara ġurnata xogħol, ħafna drabi f’ħinijiet meta d-dipartimenti u l-entitajiet governattivi jkunu diġà għalqu.

Din hija realtà li mhux dejjem tingħata l-importanza mistħoqqa.

Ma nistgħux nibqgħu nistennew li persuni li jġorru responsabbiltajiet legali, amministrattivi u pubbliċi importanti jkollhom jagħmlu dan kollu fil-ħin liberu tagħhom, mingħajr ma nagħrfu l-impatt li dan jista’ jkollu fuq il-ħajja personali, il-familja u saħansitra s-saħħa tagħhom.

Il-proposta approvata mhijiex li kull Sindku għandu bilfors iservi fuq bażi full-time. Hija proposta li tingħata l-għażla, b’pakkett finanzjarju li jirrifletti l-kobor, il-firxa u l-kumplessità tal-lokalità.

Din hija distinzjoni importanti għaliex il-lokalitajiet tagħna mhumiex kollha l-istess. Għandhom popolazzjonijiet, karatteristiċi, sfidi u ħtiġijiet differenti.

Jekk irridu tmexxija lokali aktar effettiva, irridu noħolqu kundizzjonijiet li jagħmluha possibbli.

Il-finanzjament għandu jibda mill-ħtiġijiet tal-komunitajiet

It-tieni proposta tikkonċerna l-mod kif jiġu stabbiliti l-allokazzjonijiet finanzjarji għall-Kunsilli Lokali u Reġjonali.

Għal snin twal, il-Kunsilli sabu ruħhom f’sitwazzjoni fejn il-finanzjament tagħhom jiġi stabbilit mingħajr involviment dirett u strutturat biżżejjed min-naħa tagħhom.

Barra minn hekk, meta l-allokazzjonijiet isiru magħrufa lejn l-aħħar tas-sena, il-kapaċità tal-Kunsilli li jippjanaw b’mod serju u fit-tul tkun limitata.

Ma jagħmilx sens li nitkellmu dwar ippjanar strateġiku, sostenibbiltà finanzjarja u proġetti fit-tul, jekk imbagħad il-Kunsilli ma jkollhomx l-opportunità jipparteċipaw b’mod effettiv fid-diskussjonijiet dwar ir-riżorsi li jkunu se jingħataw.

Għalhekk, is-Sindki approvaw proposta biex, wara konsultazzjoni mal-Kunsilli rispettivi tagħhom, ikunu jistgħu jippreżentaw il-proġetti, il-prijoritajiet u l-ħidma ppjanata fuq żmien qasir, medju u twil, sabiex dawn jiġu kkunsidrati fit-tfassil tal-allokazzjonijiet finanzjarji.

L-Assoċjazzjoni għandha jkollha rwol tekniku importanti f’dan il-proċess u, għaldaqstant, jeħtieġ li tingħata r-riżorsi meħtieġa biex tipprovdi dan l-appoġġ.

Dan ma jfissirx li l-Kunsilli għandhom jingħataw dak kollu li jitolbu. Ifisser li għandu jkun hemm proċess aktar trasparenti, parteċipattiv u mibni fuq il-ħtiġijiet reali tal-komunitajiet.

Għaliex fl-aħħar mill-aħħar, il-finanzjament tal-Gvern Lokali mhuwiex sempliċement nefqa pubblika. Huwa investiment dirett fil-kwalità tal-ħajja tar-residenti.

Inqas burokrazija u aktar koordinazzjoni

Problema oħra li ilha tinħass hija n-nuqqas ta’ koordinazzjoni effettiva bejn il-Kunsilli Lokali u ċerti dipartimenti u entitajiet governattivi.

Ta’ spiss, il-Kunsilli jsibu ruħhom jiġru wara tweġibiet, jistennew deċiżjonijiet jew jippruvaw jidentifikaw min hu responsabbli minn materja partikolari.

Dan iwassal għal dewmien bla bżonn, ħela ta’ riżorsi u, fuq kollox, frustrazzjoni fost ir-residenti li bir-raġun jistennew soluzzjonijiet.

Ir-resident ma jagħmilx distinzjoni bejn min għandu r-responsabbiltà amministrattiva jew legali għal problema partikolari. Għalih, il-Kunsill Lokali jibqa’ l-ewwel punt ta’ referenza.

Għaldaqstant, ma nistgħux inħallu lill-Kunsilli jġorru l-konsegwenzi ta’ nuqqas ta’ komunikazzjoni jew koordinazzjoni li ħafna drabi ma jkollhomx kontroll fuqha.

Il-proposta approvata titlob li kull dipartiment u entità governattiva jaħtru uffiċjal ta’ kollegament, jew Liaison Officer, li jkollu l-għarfien u l-awtorità operattiva meħtieġa biex jiffaċilita l-komunikazzjoni mal-Kunsilli.

Dawn l-uffiċjali għandhom iservu bħala punti ta’ kuntatt ċari, responsabbli u effettivi, b’mekkaniżmi ta’ segwitu li jiżguraw li t-talbiet ma jibqgħux pendenti għal żmien indefinit.

Is-Sindki talbu li din l-istruttura tkun stabbilita sal-aħħar ta’ Ġunju 2027.

L-Assoċjazzjoni se jkollha wkoll ir-responsabbiltà li torganizza laqgħat ta’ koordinazzjoni u tippubblika l-lista ta’ dawk id-dipartimenti jew entitajiet li jonqsu milli jonoraw dan l-impenn.

Din mhijiex proposta maħsuba biex toħloq konfrontazzjoni, iżda biex issaħħaħ ir-responsabbiltà u l-kollaborazzjoni bejn l-istituzzjonijiet.

Għaliex il-Gvern Lokali ma jistax jaħdem b’mod iżolat. Huwa parti integrali mill-amministrazzjoni pubblika u għandu jiġi trattat bħala sieħeb, mhux bħala entità sekondarja.

It-tmexxija lokali titlob preparazzjoni u kompetenza

Ir-raba’ proposta tmiss aspett li nemmen li għandu jingħata ferm aktar attenzjoni: it-taħriġ u l-preparazzjoni ta’ dawk li jaspiraw li jservu fil-Kunsilli Lokali.

Id-demokrazija tagħti lil kull persuna eliġibbli d-dritt li tikkontesta elezzjoni. Madankollu, id-dritt li wieħed jikkontesta ma jfissirx li l-persuna tkun neċessarjament preparata għar-responsabbiltajiet li se jkollha jekk tiġi eletta.

Illum, Kunsillier Lokali jrid jifhem aspetti relatati mal-finanzi pubbliċi, il-proċeduri amministrattivi, il-governanza, il-proċessi tal-akkwist, il-leġiżlazzjoni u r-responsabbiltajiet tiegħu bħala membru elett.

Dawn mhumiex materji li wieħed jista’ jassumi li kulħadd jafhom.

Għalhekk, is-Sindki approvaw proposta biex l-Assoċjazzjoni, flimkien mal-partiti politiċi, tistabbilixxi programm ta’ taħriġ strutturat u mandatorju għall-kandidati kollha għall-elezzjonijiet lokali.

Il-programm għandu jingħata mill-Assoċjazzjoni u jwassal għal ċertifikazzjoni għal dawk li jtemmuh b’suċċess.

Barra minn hekk, il-kandidati għandhom jimpenjaw ruħhom bil-miktub li, jekk jiġu eletti, ikomplu jsegwu programm ta’ żvilupp professjonali kontinwu.

Dan huwa pass importanti lejn kultura politika li tagħti valur mhux biss lir-rappreżentanza demokratika, iżda wkoll lill-kompetenza, lill-preparazzjoni u lir-responsabbiltà.

It-taħriġ ma jnaqqas xejn mill-valur tad-demokrazija. Għall-kuntrarju, isaħħaħha.

Aktar ma l-membri eletti jkunu infurmati u preparati, aktar ikunu kapaċi jieħdu deċiżjonijiet tajbin u jħarsu l-interessi tar-residenti.

Assoċjazzjoni aktar b’saħħitha tfisser Kunsilli aktar sostnuti

Il-ħames proposta tikkonċerna direttament l-istrutturi u r-riżorsi tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali.

Matul is-snin, ir-rwol tal-Assoċjazzjoni kiber b’mod sostanzjali.

Illum, il-ħidma tagħha tmur ferm lil hinn mir-rappreżentanza tradizzjonali tal-Kunsilli. Tinkludi l-iżvilupp ta’ politiki, inizjattivi ta’ taħriġ, proġetti nazzjonali u Ewropej, kollaborazzjoni ma’ istituzzjonijiet internazzjonali u appoġġ kontinwu lill-membri eletti u lill-amministrazzjonijiet lokali.

Dan it-tkabbir fir-responsabbiltajiet irid ikun akkumpanjat minn tisħiħ adegwat tal-istrutturi organizzattivi u tar-riżorsi umani u finanzjarji.

Ma nistgħux nistennew li istituzzjoni twettaq dejjem aktar responsabbiltajiet mingħajr ma nagħtuha l-mezzi meħtieġa.

Is-Sindki għalhekk approvaw il-ħtieġa li jitwettqu r-riformi organizzattivi proposti mill-Assoċjazzjoni u li jiġu allokati r-riżorsi meħtieġa biex din tkun tista’ tipprovdi servizz aktar strutturat, konsistenti u effettiv.

Dan mhuwiex għan fih innifsu. Assoċjazzjoni aktar b’saħħitha tfisser Kunsilli li jkollhom aktar appoġġ, aktar opportunitajiet u vuċi aktar effettiva fid-deċiżjonijiet li jolqtuhom.

Ir-realtajiet tal-lokalitajiet tagħna qed jinbidlu

Lil hinn minn dawn il-ħames proposti, il-Laqgħa tas-Sindki offriet ukoll opportunità biex niddiskutu sfidi usa’ li qed ibiddlu l-mod kif ngħixu fil-komunitajiet tagħna.

It-tibdil demografiku huwa wieħed mill-aktar eżempji ċari.

Il-kompożizzjoni tal-popolazzjoni fil-lokalitajiet tagħna qed tinbidel. Qed naraw komunitajiet aktar diversi, ħtiġijiet soċjali differenti u pressjonijiet ġodda fuq l-infrastruttura u s-servizzi.

Dan ifisser li l-Kunsilli ma jistgħux jibqgħu joperaw bl-istess mudelli li kienu jaħdmu għexieren ta’ snin ilu.

Jeħtieġ li nifhmu aħjar min huma r-residenti tagħna, x’inhuma l-ħtiġijiet tagħhom u kif nistgħu niżviluppaw politiki li jwieġbu għal dawn ir-realtajiet.

Matul il-laqgħa ġew diskussi wkoll il-prijoritajiet tal-Assoċjazzjoni, il-ħtieġa ta’ komunikazzjoni aktar effettiva mal-membri eletti permezz ta’ applikazzjoni ġdida għall-mowbajl, il-konsultazzjoni dwar il-ġbir u l-ġestjoni tal-iskart u l-ħidma tad-Delegazzjoni Maltija fil-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni.

Dawn id-diskussjonijiet juru kemm il-Gvern Lokali llum huwa marbut ma’ firxa wiesgħa ta’ politiki li jolqtu direttament il-ħajja taċ-ċittadini.

L-approvazzjoni hija l-bidu, mhux it-tmiem

L-aktar ħaġa importanti għalija mhijiex sempliċement li s-Sindki approvaw dawn il-ħames proposti.

L-importanti huwa x’se nagħmlu bihom minn issa ’l quddiem.

Għal wisq żmien, f’diversi oqsma tal-amministrazzjoni pubblika, rajna diskussjonijiet, konsultazzjonijiet u proposti li ma jwasslux dejjem għar-riżultati mixtieqa.

Din id-darba rridu nassiguraw li d-deċiżjonijiet meħuda ma jibqgħux biss fuq il-karta.

Bħala Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, għandna l-impenn li nressqu dawn il-proposti quddiem il-Gvern, il-partiti politiċi u l-entitajiet konċernati, sabiex jibdew id-diskussjonijiet meħtieġa u jiġu identifikati l-passi konkreti għall-implimentazzjoni tagħhom.

Nifhmu li ċerti proposti jeħtieġu diskussjoni finanzjarja, oħrajn jistgħu jirrikjedu tibdil leġiżlattiv, filwaqt li oħrajn jiddependu fuq deċiżjonijiet amministrattivi u rieda ta’ kollaborazzjoni.

Madankollu, il-kumplessità ta’ proposta m’għandhiex tkun skuża biex ma nibdewx naħdmu fuqha.

Il-Gvern Lokali għandu bżonn direzzjoni ċara, impenn politiku u strutturi li jippermettulu jwettaq il-missjoni tiegħu b’mod effettiv.

Jeħtieġ ukoll li nibqgħu niftakru li t-tisħiħ tal-Gvern Lokali mhuwiex kwistjoni ta’ aktar poter għas-Sindki jew għall-Kunsilliera. Huwa kwistjoni ta’ aktar kapaċità biex inservu lir-residenti.

Meta Sindku jkollu aktar ħin u riżorsi biex iwettaq dmirijietu, ir-residenti jibbenefikaw.

Meta Kunsill ikun involut fl-ippjanar finanzjarju tiegħu, il-komunità tibbenefika.

Meta dipartiment governattiv iwieġeb fil-ħin u jaħdem b’koordinazzjoni mal-Kunsill, ir-residenti jibbenefikaw.

Meta membru elett ikun preparat u infurmat, il-kwalità tad-deċiżjonijiet titjieb.

U meta l-Assoċjazzjoni tkun aktar b’saħħitha, il-Kunsilli kollha jkunu jistgħu jibbenefikaw minn appoġġ aħjar.

Din hija l-filosofija li għandha tiggwidana.

Il-Gvern Lokali huwa l-livell ta’ governanza l-eqreb lejn in-nies. Huwa hemmhekk li l-politika tiltaqa’ mar-realtà tal-ħajja ta’ kuljum. Huwa hemmhekk li d-deċiżjonijiet, jew in-nuqqas tagħhom, jinħassu l-aktar direttament.

Għalhekk, jekk verament nemmnu f’komunitajiet aktar sostenibbli, inklużivi u b’kwalità ta’ ħajja aħjar, irridu nkunu lesti ninvestu f’Gvern Lokali li jkun kapaċi jwettaq dan ir-rwol.

Il-Laqgħa tas-Sindki tat direzzjoni ċara. Issa wasal iż-żmien li din id-direzzjoni tissarraf f’azzjoni.

Għax fl-aħħar mill-aħħar, Gvern Lokali aktar b’saħħtu ma jfissirx istituzzjonijiet aktar b’saħħithom għalihom infushom, iżda komunitajiet aktar b’saħħithom u residenti li jgawdu kwalità ta’ ħajja aħjar.

U dak għandu jibqa’ l-għan ewlieni tagħna: Ir-Residenti l-Ewwel – Kwalità ta’ Ħajja Aħjar.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport