“Presepji Li Jirrakkontaw” – Esebizzjoni ta’ presepji ta’ Joseph Scicluna

Aqra wkoll

Għal bosta Għawdxin il-presepju mhux dekorazzjoni iżda arti. Ta  kull sena f’din il-gżira ta’ tliet għoljiet, kważi f’kull lokalità jkun hemm diversi wirjiet ta’ presepju. Dawn ifakkruna fil-jum imqaddes tat-twelid ta’ Ġesù Bambin.

F’Għawdex, il-presepji jiġu f’kull għamla u daqs, b’ilma ġieri, dwal u pasturi jiċċaqalqu. Ħafna minnhom jinkludu elementi Maltin bħal ħitan tas-sejjieħ, imtieħen u rziezet. It-tiżjin tal-ħwienet u t-toroq diġà bdew, u dalwaqt jibdew jittellgħu diversi attivitajiet, bħal kunċerti, Betlehem f’Għajnsielem, u swieq tal-festi tal-Milied.

B’inqas minn sitt ġimgħat sal-25 ta’ Diċembru, l-atmosfera tal-festi diġà bdiet tinħass sew f’din il-gżira. Fil-Banca Giuratale, ir-Rabat Għawdex, qed tittella’ wirja ta’ 10 presepji, bl-isem ta’ “Presepji li Jirrakkontaw”, hija xogħol l-artist Għawdxi Joseph Scicluna, li b’materjal sempliċi bħal biċċiet tal-ġablo u sufri, ftit ġibs u kolla, iżda b’attenzjoni u paċenzja kbira ħoloq mogħdijiet, għerien u għoljiet, biex ħadu forma naturali ta’ dak iż-żmien.

Kull presepju juri l-ħila ta’ dan l-artist, fil-għar tal-grotta hemm Marija u Ġużeppi b’wiċċhom lejn il-Bambin fil-maxtura filwaqt fil-mogħdijiet dojoq hemm pasture tar-rgħajja u nagħaġ, kull presepju għandu l-istorja tiegħu. Għal ftuħ ta’ din il-wirja kien hemm preżenti l-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri. Wirja li se tibqa’ miftuħa sat-30 ta’ Novembru.

Ritratti Joe Grech

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport