“Ibni mhux il-mostru li qed ipinġuh il-gazzetti.”
Hekk sostna missier Daniel Spiteri, żagħżugħ ta’ 21 sena li jinsab mixli b’diversi reati relatati mat-terroriżmu, waqt li xehed fil-Qorti b’rabta mat-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ ibnu.
Fix-xhieda tiegħu, il-missier spjega li Spiteri ġie dijanjostikat bl-Asperger’s meta kien għadu tifel, u li minn età żgħira kellu t-tendenza li jiżviluppa interess intens f’suġġetti differenti, tant li kien iqatta’ ħafna ħin jirriċerkahom u jistudjahom fid-dettall.
Skont il-missier, fl-aħħar xhur ibnu kien sar interessat ħafna fl-affarijiet tal-Unjoni Ewropea u kien qed jaħdem fuq ktieb dwar dan is-suġġett. Huwa sostna li dan l-interess jista’ jispjega wħud mit-tfittxijiet li l-investigaturi sabu fuq l-apparat elettroniku taż-żagħżugħ.
Spiteri qed jiffaċċja akkużi serji, fosthom li allegatament ippjana attakk terroristiku, ipprova jirrekluta jew iħeġġeġ persuna twettaq attivitajiet terroristiċi, u ħarreġ jew ta struzzjonijiet dwar l-użu ta’ armi tan-nar għal skopijiet terroristiċi.
Huwa jinsab mixli wkoll li vvjaġġa biex jippjana attivitajiet terroristiċi u li pproduċa jew qassam materjal maħsub biex iħeġġeġ lil persuni oħra jwettqu atti ta’ terroriżmu.
Minn interess fir-reliġjon għal riċerka dwar l-Unjoni Ewropea
Waqt ix-xhieda tiegħu, missier Spiteri rrakkonta diversi episodji minn tfulit ibnu biex jispjega kif dan kien jiżviluppa interess qawwi f’suġġett u jiddedika ħafna ħin biex jitgħallem dwaru.
Huwa semma vjaġġ skolastiku lejn il-Greċja, li matulu gwida turistika kienet esprimiet is-sorpriża tagħha għall-għarfien li kellu Spiteri dwar l-istorja tal-pajjiż.
Il-gwida kienet saħansitra tkellmet ma’ ommu dwar kemm binha kien jaf dwar il-Greċja, wara konverżazzjoni li kellha miegħu waqt il-vjaġġ.
Il-missier spjega li maż-żmien irriżulta li Spiteri kellu l-Asperger’s, kundizzjoni marbuta mal-ispettru tal-awtiżmu.
Huwa rrakkonta wkoll li matul is-snin tal-iskola, ibnu kien spiċċa vittma ta’ bullying, u f’ċerti okkażjonijiet saħansitra kien safa msawwat minn studenti oħra waqt il-ħin tal-iskola.
Meta kellu madwar 12-il sena u kien qed jipprepara għall-Griżma tal-Isqof, Spiteri beda jistudja l-Bibbja b’interess kbir.
Dan wasslu biex jikteb storja u eventwalment ktieb bl-isem The Fallen Angels, wara li kien żviluppa interess qawwi fir-reliġjon Kattolika.
Il-missier qal ukoll li Spiteri kkonverta għall-Iżlam meta kellu 19-il sena.
Aktar reċentement, iż-żagħżugħ kien beda jikkonċentra fuq l-affarijiet Ewropej, u skont missieru kien qed jiġbor informazzjoni għal ktieb ġdid dwar l-Unjoni Ewropea.
Id-Difiża sostniet li dawn id-dettalji huma importanti biex il-Qorti tifhem il-kuntest tan-noti u tat-tfittxijiet li nstabu fuq l-apparat elettroniku tiegħu.
Il-Pulizija kienet ilha madwar ħames xhur issegwi liż-żagħżugħ
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-ħelsien mill-arrest, id-Difiża argumentat li l-Pulizija kienet ilha madwar ħames xhur tosserva l-movimenti ta’ Spiteri qabel ma ddeċidiet li tarrestah.
L-avukati sostnew li meta l-uffiċjali marru fir-residenza biex iwettqu l-arrest, kien missier l-akkużat li fetaħilhom il-bieb.
Matul l-operazzjoni ġew elevati l-apparati elettroniċi ta’ Spiteri, li minnhom l-investigaturi sabu diversi noti u informazzjoni li issa jagħmlu parti mill-każ.
Skont id-Difiża, ix-xhieda tal-missier titfa’ dawl differenti fuq dak li nstab, partikolarment fid-dawl tal-mod kif iż-żagħżugħ kien ilu minn ċkunitu jirriċerka suġġetti li jiġbdulu l-interess.
L-avukati argumentaw ukoll li Spiteri ma kellux għalfejn jaħrab minn Malta, u fakkru li matul il-perjodu li fih kien taħt sorveljanza kien saħansitra vvjaġġa lejn is-Sirja u rritorna lura.
Il-Prosekuzzjoni staqsiet lill-missier dwar vjaġġ li kien għamel ibnu, bil-missier iwieġeb li Spiteri kien qallu li kien sejjer it-Turkija.
Id-Difiża semmiet ukoll iċ-ċirkostanzi familjari tal-akkużat, li huwa missier ta’ tewmin ta’ xahrejn, bħala argument ieħor għaliex ma kellux interess jaħrab mill-pajjiż.
Il-missier, min-naħa tiegħu, esprima r-rieda li jagħmilha ta’ garanti għal ibnu jekk il-Qorti tilqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest.
“Il-bomba li qed issemmu hija sempliċement cocktail Molotov”
Parti sostanzjali mis-sottomissjonijiet iffukat fuq il-materjal li l-investigaturi allegatament sabu fuq l-apparat elettroniku ta’ Spiteri.
Id-Difiża għamlet referenza għal recordings li fihom iż-żagħżugħ jinstema’ jitkellem dwar l-Iżlam u jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar persuni omosesswali.
L-avukati argumentaw li l-kontenut ta’ dawn il-konverżazzjonijiet, fih innifsu, ma kellux jitqies bħala xi ħaġa allarmanti.
Huma kkontestaw ukoll l-interpretazzjoni tal-Prosekuzzjoni dwar noti relatati mal-manifattura ta’ bomba.
“Il-bomba li arrestajtuh dwarha hija sempliċement cocktail Molotov… biha bilkemm toqtol erba’ dubbien,” sostniet id-Difiża waqt l-argumenti tagħha.
Il-Prosekuzzjoni, madankollu, irrifjutat din il-karatterizzazzjoni u sostniet li cocktail Molotov hija arma li tista’ tintuża biex toqtol għadd kbir ta’ persuni.
L-avukati tal-Prosekuzzjoni argumentaw ukoll li fl-istadju tat-talba għall-ħelsien mill-arrest, il-Qorti m’għandhiex tidħol fil-mertu tal-akkużi, iżda għandha tiffoka fuq il-kriterji legali li jirregolaw jekk persuna għandhiex tingħata l-libertà proviżorja.
L-investigaturi għadhom qed jeżaminaw il-kont ta’ OneDrive
Kwistjoni oħra li tqajmet kienet il-possibbiltà li l-akkużat jinterferixxi mal-provi jekk jingħata l-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni rrikonoxxiet li l-provi u x-xhieda miġbura fl-inkjesta maġisterjali huma diġà ppreservati.
Madankollu, spjegat li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin, hekk kif il-Pulizija għadha qed tanalizza l-kontenut tal-kont ta’ OneDrive tal-akkużat.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-investigaturi jeħtieġu aktar żmien biex iwettqu din l-analiżi teknika u jistabbilixxu l-fatti kollha relatati mal-każ.
Min-naħa tagħha, id-Difiża kompliet tinsisti li ċ-ċirkostanzi personali u familjari ta’ Spiteri, flimkien mal-fatt li kien ilu taħt sorveljanza għal diversi xhur, għandhom jitqiesu favur il-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Deċiżjoni dwar il-ħelsien mill-arrest mistennija aktar tard
Fi tmiem is-seduta, il-Qorti ddeċidiet li nġabru biżżejjed provi biex Spiteri jitqiegħed taħt att ta’ akkuża u jgħaddi ġuri dwar ir-reati li qed jiġi mixli bihom.
Din id-deċiżjoni ma tfissirx li l-akkużat instab ħati, iżda li l-Qorti qieset li hemm biżżejjed provi biex il-proċeduri kriminali kontrih ikomplu.
Intant, id-deċiżjoni dwar it-talba għall-ħelsien mill-arrest mistennija tingħata aktar tard illum mill-Maġistrat Thake fil-kamra tagħha.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukati tal-Avukat Ġenerali Dejan Darmanin u Mauro Abela, assistiti mill-Ispetturi Zachary Zammit u Mohammed Shurrab.
L-avukati Ishmael Psaila u Amadeus Cachia qed jirrappreżentaw lil Spiteri.

