F’dawn l-aħħar tliet snin ingħalqu numru sostanzjali ta’ inkjesti. Dan jirriżulta minn statistika pprovduta mill-Ministru għall-Ġustizzja, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima, waqt li kien qed iwieġeb mistoqsija parlamentari tad-Deputat Laburista Nigel Vella.
Il-Ministru Grima beda billi nnota li mill-1 t’April 2024, ġew assenjati erba’ Maġistrati esklussivament fuq it-tmexxija tal-Inkjesti Maġisterjali. Dan bil-għan li jitnaqqas l-ammont ta’ inkjesti pendenti u tkompli titjieb l-effiċjenza fil-Qrati.
Jirriżulta li mill-2024 sal-aħħar t’Ottubru 2026 ingħalqu total ta’ 3,019-il inkjesta. Waqt li fl-2022 u fl-2023 ingħalqu 658 u 714-il inkjesta rispettivament, fis-snin ta’ wara dan l-ammont kompla jiżdied tant li fl-2024 ingħalqu 939 inkjesta u fl-2025 ġew konklużi total ta’ 1,392 inkjesta. Sal-aħħar t’Ottubru ta’ din is-sena ngħalqu 688 inkjesta.
F’dak li jirrigwarda l-inkjesti pendenti, fl-2024 kien hemm 1,514, filwaqt li fis-sena ta’ wara dan l-ammont niżel għal 803. Din is-sena, sal-aħħar ta’ Ottubru, kien hemm 1,188-il inkjesta pendenti.
L-istatistika turi wkoll kif fl-2024 u fl-2025 daħlu 774 inkjesti ġodda kull sena filwaqt li fl-ewwel 10 xhur ta’ din is-sena daħlu 605 inkjesti ġodda.
Ta’ min ifakkar li f’Settembru tas-sena li għaddiet kienet inawgurata wkoll binja ġdida tal-Qorti ddedikata għall-Maġistrati Inkwerenti. Din il-binja hija maħsuba biex tipprovdi ambjent aktar adegwat u funzjonali għat-twettiq tal-ħidma tal-Maġistrati Inkwerenti, filwaqt li tiffaċilita l-investigazzjonijiet ġudizzjarji u ttejjeb il-kundizzjonijiet li fihom titwettaq din il-ħidma.

