Friday, May 3, 2024

Kriżi Diplomatika kbira bejn il-Kanada u l-Indja

Ruben Briffa
Ruben Briffa
Analista dwar Avvenimenti Internazzjonali

Aqra wkoll

Nhar it-Tnejn li għadda, il-midja internazzjonali bdiet tirrapporta bi prominenza kbira aħbar li ħarġet minn ġewwa l-Kanada rigward allegazzjoni serja ħafna li għamel Justin Trudeau, il-Prim Ministru Kanadiż, li l-Gvern Indjan kien il-moħħ wara l-assassinju ta’ membru prominenti ta’ komunità Indjana gewwa l-Kanada li gejja mill-minoranza Indjana Sikha, komunità li fiha, ġewwa l-Indja, hemm moviment favur is-separazzjoni tagħha mill-Indja.

Din l-akkuża serja rigward dan l-assassinju li sar f’Ġunju li għadda ġewwa l-istat Kanadiż tal-British Columbia tat bidu għal tilwima diplomatika bejn l-Indja u l-istess Kanada, tilwima li sa issa waslet għal diversi battibekki bejn iż-żewġ pajjiżi u fuq kollox it-tkeċċija ta’ diversi diplomatiċi importanti miż-żewg pajjiżi.

L-Indja caħdet bil-qawwa dawn l-akkużi u ddiskriviethom bħala ‘assurdi u motivati minn raġunijiet ulterjuri’. L-Indja ssospendiet ukoll il-ħruġ ta’ visas għal ċittadini Kanadiżi li riedu jidħlu ġewwa l-Indja minħabba ‘theddid għas-sigurtà’ nazzjonali’.

Hardeep Singh Nijjar

Nhar it-Tnejn li għadda, fil-Parlament Kanadiż, Justin Trudeau qal li l-pulizija Kanadiża kienet qiegħda tinvestiga ‘allegazzjonijiet kredibbli’ fuq konnessjoni bejn il-qtil ta Hardeep Singh Nijjar, ċittadin Kanadiż u l-mexxej ewlieni tal-komunità Shika ġwwa l-Kanada, waħda mill-akbar komunitaijiet ta’ din il-minoranza Indjana barra l-Indja u li tlaħħaq kważi tmien mitt elf ruh, u ‘aġenti tal-gvern Indjan’.

Hardeep Singh Nijjar kien magħruf għall-attiviżmu tiegħu favur il-ħolqien ta’ stat indipendenti għall-komunità Shika ġewwa l-Indja bl-isem ta’ Khalistan, li fil-viżjoni tas-separatisti għandu jkun fiż-żona tar-reġjun Indjan tal-Punjab. Dan il-moviment favur l-indipendenza tax-Shiki, li huma magħrufin ghat-turbani kkuluriti li jilbsu u għad-daqna twila li jkollhom, huwa kkunsidrat bħala theddida għas-sigurtà nazzjonali ġewwa l-Indja u ngħata l-istatus ta’ organizzazzjoni terroristika. Nijjar kien ġie mdaħħal fil-lista ta’ terroristi mfittxija mill-Indja lura fl-2020 u skond l-avukati tieghu, huwa kien gie mwissi mill-anqas tliet darbiet mill-Pulizija Kanadiza li kien fil-perikolu li jinqatel.

L-effetti u l-għeruq ta’ din il-krizi

Matul il-ġimgħa li għadha kemm għaddiet bdew jinħassu l-ewwel effetti ta’ din il-kriżi diplomatika bejn dawn iż-żewġ pajjiżi. Nhar l-Erbgħa li għadda, ġew sospiżi mill-Ministeru Indjan tal-Kummerċ negozjati kummerċjali li kienu għaddejjin bejn iż-żewg gvernijiet.

Fuq livell diplomatiku, r-relazzjonijiet bejn dawn iż-żewġ pajjiżi ilhom sejrin lura. Nahrenda Modi, matul l-aħħar laqgħa li saret tal-G20, ma ltaqax personalment ma’ Justin Trudeau kif hija l-prassi li jsir mill-pajjiż li jkun qiegħed jospita din il-laqgħa kif għamlet l-Indja fl-ewwel jiem ta’ Settembru. Modi mar oltre’ minn hekk u fil-preżenza ta’ Trudeau qal li ‘l-Indja hija inkwetata ħafna bl-attiviżmu kontra l-Indja ġewwa l-Kanada’.

Lura fl-2018, żjara ta’ Trudeau ġewwa l-Indja kienet giet deskritta mill-midja tal-punent bhala ‘minghajr interess’ mill-awtoritajiet Indjani. L-istess sezzjoni tal-medja kienet qalet li din il-bruda fil-konfront tal-Prim Ministru Kanadiz fiz-zjara li semmejna kienet konsegwenza ta’ żjara li kien ghamel Trudeau f’attività Shika ġewwa l-belt Kanadiża ta’ Toronto, attività li kienet mimlija bill-bnadar ta’ gruppi separatisti Shiki kif ukoll b’posters ta’ mexxej ieħor Shika li kien inqatel lura fl-1984 mill-Armata Indjana.

Ir-reazzjonijiet Internazzjonali

Ħafna mill-pajjiżi li appuntu kienu fl-istess laqgħa tal-G20 ġewwa New Delhi żgur li sabuha diffiċli li jieħdu pożizzjoni rigward din il-kriżi bejn l-Indja u l-Kanada. Dan għaliex pajjiżi bhall-Istati Uniti, ir-Renju Unit u l-Awstralja kollha għandhom komunitajiet kbar tax-Shiki iżda għandhom ukoll ħafna interessi politiċi u kummerċjali li jagħmluhielhom diffiċli li jiksruha mal-gvern Indjan. Minkejja  dan, dawn it-tliet pajjiżi għamlu xi forma jew oħra ta’ dikjarazzjonijiet li bihom taw l-appoġġ lill-Kanada fuq din il-kwistjoni. Fil-fatt, kelliem għall-Whitehouse qal li ‘l-President Biden huwa inkwetat ħafna b’dak li ġara’ gewwa l-Kanada’ filwaqt li kelliem f’isem il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin Awstraljan qal li l-Awstralja hija ‘mħassba ħafna fuq dak li ġara’ lill-mexxej Shika’. Kelliem għall-Prim Ministru Ingliz, li ta’ min ifakkar huwa ta’ dixxindenza Indjana, kien forsi aktar kawt fid-dikjarazzjoni tiegħu fuq dan il-każ meta qal li ‘sejjer jistenna l-eżitu tal-investigazzjonijiet’.

Żgur li din il-ġrajja ma ġietx f’mument opportun għall-pajjiżi tal-punent li qegħdin jippruvaw ma joħolqux l-ebda kwistjoni ma’ pajjiżi bħall-Indja li ma ħadux pożizzjoni ċara fuq il-gwerra tal-Ukrajna kif ukoll huma potenzjalment alleati taċ-Ċina. Fuq kollox, il-pajjiżi tal-punent qegħdin joqghodu attenti li ma joholqux dwejjaq fost il-ħaddiema Indjani li qegħdin prattikament f’kull rokna ġewwa l-Ewropa u f’pajjiżi oħra tal-punent għaliex fuqhom jiddependu l-ekonomiji ta’ dawn il-pajjiżi.

Sport