L-eks ġurnalist tat-Times Ivan Camilleri ngħata kumpens ta’ €171,569 wara li t-Tribunal Industrijali ddeċieda li t-tkeċċija tiegħu fl-2019 kienet waħda inġusta.
It-Tribunal Industrijali kkonkluda li Allied Malta Newspapers Ltd. ma kinitx imxiet mal-proċeduri dixxiplinarji u mal-ftehim kollettiv u ċaħħdet lil Camilleri milli jiddefendi lilu nnifsu.
Fl-istess ħin, it-Tribunal ta 25% tar-responsabilità lil Camilleri minħabba “l-attitudni diżrispettiva” tiegħu lejn kollegi u terzi, li kienet wasslet biex jinħarġu diversi akkużi minn min kien iħaddmu.
Allied Newspapers kienet keċċiet lil Camilleri wara li allegatament kien involut f’każ ta’ “shoplifting” minn supermarket u li kien ta informazzjoni lil Yorgen Fenech. Min-naħa tiegħu, Camilleri dejjem ċaħad dawn l-allegazzjonijiet.
Wara li t-Tribunal Industrijali kkunsidra kollox, u anke ħares lejn l-elementi tal-każ fit-totalità u l-komplessità tagħhom, iddeċieda li Ivan Camilleri kien terminat mix-xogħol inġustament u għalhekk mhux skont il-liġi.