Thursday, March 12, 2026

Eks kurunell Sirjan akkużat b’reati kontra l-umanità

Aqra wkoll

Eks kurunell fid-dipartiment tal-intelligence tal-Forza tal-Ajru Sirjana tressaq quddiem il-Qorti tal-Maġistrati ta’ Westminster f’Londra akkużat li wettaq delitti kontra l-umanità. L-eks kurunell, Salem Michel Al-Salem ta’ 58 sena, deher fil-qorti permezz ta’ video link.

L-akkużi kollha kontriħ huma relatati ma’ allegati avvenimenti f’Damasku fl-2011 u l-2012, inklużi mwiet ta’ nies li kienu qed jieħdu sehem f’dimostrazzjoni fit-22 ta’ April 2011 meta dimostranti li kienu qed jitolbu l-ħelsien tal-priġunieri allegatament inqatlu b’tiri ta’ arma tan-nar.

Il-maġistrat ewlieni Paul Goldspring ċaħad lil Al-Salem il- libertà proviżorja sakemm jidher il-qorti fl-Old Bailey nhar il-Ġmgħa. Ma ngħatat l-ebda indikazzjoni dwar kif al-Salem se jwieġeb għall-akkużi.

Al-Salem baqa’ bilqiegħda matul is-smiegħ tas-seduta kollha, liebes dak li deher li kienet maskra tal-ossiġnu. Il-qorti semgħet li ġie djanjostikat b’marda tan-newroni motorji li tibda fis-sinsla tad-dahar u kien wisq marid biex jikkonferma ismu.

Il-maġistrat ewlieni ċaħad it-talba tad-difiża biex ismu ma jixxandarx u qal li l-fatt li dan jista’ jqajjem fin-nies sentimenti qawwija ta’ ostilità u tħassib mhuwiex, u qatt ma kien, biżżejjed biex il-prinċipju ta’ ġustizzja miftuħa jiġi derogat.

Il-maġistrat żied jgħid li kien importanti li ismu jissemma ħalli l-pubbliku jkun infurmat u kif ukoll biex tinżamm il-fiduċja fis-sistema tal-ġustizzja.

Al-Salem huwa akkużat li kien responsabbli għall-qtil ta’ Omar Al-Homsi u Nizar Fayoumi-AlKhatib, jew li kkawża l-qtil tagħhom bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku kontra popolazzjoni ċivili fit-22 ta’ April 2011.

Huwa akkużat ukoll li ħa sehem f’imġieba anċillari għall-qtil bħala delitt kontra l-umanità fir-rigward ta’ Mohammed Salim Zahrak Balik fl-istess jum.

Akkuża oħra tirrelata ma’ tliet xhur wara, f’Lulju 2011 fejn huwa akkużat li kien responsabbli għall-qtil ta’ Talhat Dalal, jew li kkawża l-qtil tiegħu, bħala parti minn attakk mifrux jew sistematiku kontra popolazzjoni ċivili.

Al-Salem ġie arrestat għall-ewwel darba f’Diċembru 2021 u l-Pulizija Kontra t-Terroriżmu ta’ Londra ddeskrivew il-każ bħala investigazzjoni inkredibilment kumplessa u ta’ sfida, li tinvolvi inkjesti f’ħafna pajjiżi. Xhieda kienu ġew intervistati f’diversi nazzjonijiet Ewropej.

Din hija l-ewwel darba li s-Servizz tal-Prosekuzzjoni tar-Renju Unit ressaq akkużi ta’ qtil bħala delitti kontra l-umanità skont l-Att dwar il-Qorti Kriminali Internazzjonali tal-2001.

Huwa maħsub li hija l-ewwel darba li xi ħadd allegatament li kien parti mill-forzi tas-sigurtà tal-eks President Bashar al-Assad ġie mħarrek fir-Renju Unit għal delitti relatati mal-gwerra ċivili fis-Sirja.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport