Ħames imħallfin tal-Qorti Suprema tal-Brażil, l-ogħla qorti tal-pajjiż, ivvotaw unanimament favur li l-eks President Jair Bolsonaro jgħaddi ġuri talli allegatament ipprova jagħmel kolp ta’ stat u jwaqqa l-gven tal-president attwali, Luiz Inácio Lula da Silva.
Il-proċess tal-ġuri jista’ jibda din is-sena stess, u jekk jinstab ħati Jair Bolsonaro, li llum għandu 70 sena u huwa l-politiku tal-lemin estrem fil-Brażil, jista’ jeħel numru ta’ snin ħabs.
Wara li l-qorti tat id-deċiżjoni tagħha, Bolsonaro qal f’konferenza stampa li l-akkużi kontrih kienu gravi u bla bażi. Huwa dejjem ċaħad li pprova jimblokka l-inawgurazzjoni tal-president Lula.
B’referenza ċara għall-imħallfin, huwa qal li dawn kellhom xi ħaġa personali kontriħ. Bolsonaro jgħid li hu vittma ta’ persekuzzjoni politika li għandha l-għan li ma tħallihx jerġa’ jikkontesta l-elezzjoni għal President fl-2026.
L-Imħallfin tal-Qorti Suprema kellhom il-kompitu li jiddeterminaw jekk kienx hemm biżżejjed provi biex Bolsonaro jitressaq u jgħaddi ġuri.
L-imħallef li mexxa l-panel, Alexandre de Moraes, rrakkomanda li ma’ Bolsonaro, jgħaddu ġuri wkoll seba’ eks uffiċjali oħra tal-gvern, inklużi erba eks-ministri, deskritti mill-avukat ġenerali bħala “kompliċi fl-attentat”, minħabba l-avvenimenti li wasslu għall-assalt fuq bini tal-gvern mill-partitarji ta’ Bolsonaro fit-8 ta’ Jannar 2023, ġimgħa wara l-inawgurazzjoni ta’ Lula.
Bolsonaro, eks kaptan tal-armata u ammiratur kbir tal-President Amerikan Donald Trump, mexxa l-Brażil minn Jannar 2019 sa Diċembru 2022.
Huwa kien tilef bi ftit l-elezzjoni presidenzjali f’Ottubru tal-2022 kontra r-rivali tiegħu tax-xellug, is-soċjalista Luiz Inácio Lula da Silva. Bolsonaro qatt ma rrikonoxxa pubblikament it-telfa tiegħu.
Ħafna mill-partitarji tiegħu kienu qattgħu ġimgħat jikkampjaw barra l-kwartieri tal-armata f’tentattiv biex jikkonvinċu lill-militar biex jipprevjeni lil Lula milli jieħu l-ġurament bħala president fl-1 ta’ Jannar 2023.
Ġmgħa wara l-inawgurazzjoni ta’ Lula, fit-8 ta’ Jannar 2023, eluf ta’ partitarji ta’ Bolsonaro daħlu bil-forza f’bini tal-gvern fil-kapitali, Brażilja, f’dak li l-investigaturi federali jgħidu li kien attentat ta’ kolp ta’ stat.