Jingħata sentenza sospiża… frustrat għax il-proċeduri u ordni ta’ ffriżar għadhom pendenti
Theddid, inġurja u fastidju minn raġel ta’ 52 sena, liema atti saru fuq il-pjattaforma Facebook, wasslu biex hu għamel għaxar gimgħat detenut taħt arrest preventiv in konnesjoni ma’ dawn il-proceduri.
Fl-opinjoni ta’ din il-Qorti, dan iż-żmien ta’ detenzjoni servieh ta’ lezzjoni biżżejjed għall-aġir illegali tiegħu u ma tarax il-lok li testendi din id-detenzjoni billi tinfliġġi piena karċerarja effettiva fuqu. Hu ngħata sentenza sospiża.
It-theddid sar fis-16 ta’ Ġunju tas-sena 2024 u fl-24 ta’ Mejju tas-sena 2025, permezz ta’ reat li seħħ online. L-akkużat Winston Joseph Gera ta’ 52 sena, ammetta l-akkużi. Il-Qorti qalet li hu kkopera mal-Pulizija, tant li għaddielhom il-mobile tiegħu u tahom anke l-password sabiex jiffaċilita l-investigazzjoni, għax il-Pulizija kellha aċċess iktar facli għall-Facebook tiegħu. Il-Qorti qalet li l-fedina penali tiegħu mhix wahda feliċi u għandu diversi kundanni minn dawn il-Qrati. L-ewwel kundanna tmur lura għas-sena 1991. Il-maġġoranza ta’ dawn il-kundanni huma dwar reat kontra l-liġijiet tas-sewqan, pussess tad-droga u serq ikkwalifikat.
Mis-sentenza joħroġ li minn rapport tal-Ufficjal tal-Probation jirriżulta li fil-passat, hu kellu problema ta’ tossiko-dipendenza. Però jidher li llum il-ġurnata hu għeleb din il-problema u skont hu ilu snin ma jabbuża mid-droga.
Jirriżulta wkoll li bejn is-sena 1989 u s-sena 2017 hu dejjem kellu impjieg regolarizzat. Fis-sena 2017 ġew istitwiti proċeduri kriminali kontrieh fuq reati ta’ ħasil ta’ flus u traffikar ta’ persuni in konnessjoni ma’ diversi massage parlours li kien jiġġestixxi. Għalhekk hu għalaq dawn il-massage parlours u minn dakinhar ma jirrizultax li kellu impjieg regolarizzat. Però hu assigura lill-Uffiċjal tal-Probation li kien sab impjieg bħala sales person, ladarba joħrog mill-ħabs.
Il-Probation Officer issuġġeriet ħabs effettiv
Mis-sentenza joħroġ li fir-rapport tal-Uffiċjal tal-Probation hemm suġġerit li l-piena għandha tkun waħda ta’ ħabs effettiv flimkien ma’ Ordni ta’ Trattament sabiex hu jieħu l-għajnuna biex ikun jaf kif għandu jġib ruħu f’ċertu sitwazzjonijiet li jistgħu jinqalgħu fil-ħajja. Jirriżulta li l-proċeduri kriminali kontrih fuq ħasil ta’ flus u traffikar ta’ persuni kienu qed jinstemgħu minn din il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Frendo Dimech, u ġew deċiżi fis-16 ta’ Diċembru 2020, fejn dik il-Qorti sabitu ħati tal-imputazzjonijiet dedotti kontra tiegħu, u ikkundannatu għal seba’ snin priġunerija. Din is-sentenza ġiet annullata mill-Qorti tal-Appell Kriminali fil-21 ta’ Ġunju tas-sena 2024, u llum dawk il-proċeduri kriminali jinsabu pendenti quddiem din il-Qorti.
Jidher li r-reati li hu ammetta li hu ħati tagħhom f’dan il-każ ġew kommessi konsegwenza tal-fatt li hu kien frustrat bil-fatt li l-proċeduri kriminali kontrih fuq ħasil ta’ flus u traffikar ta’ persuni għadhom pendenti, u l-ordni ta’ ffriżar li nħarġet pendenti dawn il-proċeduri qed tikkaġuna lilu u lill-familja restrizzjonijiet finanzjarji u tbatija. Minħabba dan il-fatt, huwa kien beda ukoll jabbuża mill-alkoħol. Is-sentenza tal-Qorti qalet li “għalkemm mil-lat uman wieħed jista’ jifhem il-frustrazzjoni tiegħu dwar it-tul tal-proċeduri kriminali, dan bl-ebda mod ma jiġġustifika l-aġir tiegħu.
Jekk għall-argument biss huwa ħass li l-Maġistrat Frendo Dimech b’xi mod naqset mill-obbligi tagħha bħala ġudikant, hu kellu r-rimedji opportuni taħt il-liġi u mhux b’mod regolari jtella’ posts fuq Facebook bi kliem ingurjuż, u theddid sottili lill-Maġistrat konċernata.
Is-sentenza tgħid li hu stqarr li “m’għandu xejn kontra l-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech, iżda dan kollu ġie minħabba l-konsum ta’ alkoħol kif ukoll minħabba l-frustrazzjoni li kellu.” Il-Qorti saħqet dwar l-importanza li f’soċjetà demokratika, il-membri tal-ġudikatura jitħallew jagħmlu d-dmirijiet tagħhom b’serenità, mingħajr pressjoni, ingurji u theddid, dirett jew indirett.
Is-sentenza qalet li “Winston Joseph Gera rrealizza l-iżball tiegħu u fil-fatt waqt l-interrogazzjoni mill-Pulizija skuża ruħu għall-aġir tiegħu. Id-difiża vverbalizzat li “l-imputat kif diġà għamel fl-istqarrija tiegħu jiskuża ruħu għall-posts li huwa tella’ u filwaqt li jtenni li jiddispjaċih għal dak li għamel, jiddikjara li jaf illi l-ġudikant li semma’ f’dawn il-posts bħala persuna integra u tal-affari tagħha.”
Ingħad li l-Uffiċjal Prosekutur xehed li riċentement huwa tkellem mal-Maġistrat Dr Donatella Frendo Dimech biex jara l-pożizzjoni tagħha rigward il-piena idonea għall-każ u nfurmaha li l-imputat kien ilu xahrejn taħt arrest preventiv in konnessjoni ma’ dawn il-proċeduri u l-andament ta’ dawn il-proċeduri. Huwa xehed li hija tagħtu x’jifhem li mhux qed tinsisti li l-imputat jingħata piena karċerarja effettiva, ladarba diġà nżamm xahrejn detenut.
Hu kien ikkundannat sena ħabs sospiża għall-perjodu ta’ erba’ snin. Il-Qorti wissiet lill-ħati bi kliem ċar il-konsegwenzi jekk huwa jikkommetti reat ieħor punibbli bi priġunerija matul dan il-perjodu operattiv ta’ din is-sentenza sospiża.