Eks surġent tal-Pulizija Michael Buttiġieġ, rebaħ kumpens ta’ €117,493.71 f’sentenza mill-Qorti tal-Appell għal tkeċċija mill-Korp tal-Pulizija. Is-somma li ngħata tkopri disa’ snin xogħol. Il-Qorti fis-sentenza tagħha tgħid li l-proċess dixxiplinari mniedi kontrih kien ivvizzjat u bla siwi. L-ewwel Qorti kienet tagħtu kumpens ta’ €185,000, li iżda dan tnaqqas fis-sentenza tal-appell. Buttiġieġ kien ġie infurmat b’ittra li l-impjieg tiegħu qed ikun terminat, rebaħ il-każ quddiem il-Qorti tal-Appell fis-sena 2010 b’dikjarazzjoni li kellu jiġu integrat fl-impjieg li kellu iżda dan ma sarx tant li s-Segretarju Permanenti Ewlieni bħala Kap tas-Servizz Pubbliku u l-Kummissarju tal-Pulizija kienu ddeċidew li jerġgħu jibdew proċeduri dixxiplinari kontra tiegħu biex ikun imġiegħel jirtira mill-Korp.
Il-Qorti fis-sentenza qalet li jirriżulta li fit-3 ta’ Mejju 2001 Michael Buttiġieġ, li dak iż-żmien kien Surġent tal-Pulizija, kien ġie nformat li kien qiegħed jiġi mkeċċi mill-Korp tal-Pulizija fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Hu kien beda proċeduri biex tinbidel din id-deċiżjoni, proċeduri li ġew deċiżi favurieh b’mod finali mill-Qorti tal-Appell fis-6 ta’ Ottubru 2010. F’dawk il-proċeduri r-rakkomodazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u d-deċiżjoni tal-Prim Ministru ġew dikjarati nulli u bla effett għax meħuda kontra d-dettami tal-Artikolu 469A tal-Kapitolu 12 tal-Liġijiet ta’ Malta, u huma ġew ordnati jirrintegraw lill-Michael Buttiġieġ fil-pożizzjoni li kien jinsab fiha qabel it-3 ta’ Mejju 2001 u wkoll ġew dikjarati responsabbli għad-danni sofferti minn Buttiġieġ minħabba l-aġir tagħhom.
Jingħad li fil-15 ta’ Ottubru 2010 Buttiġieġ irċieva ittra mingħand is-Segretarju Permanenti Ewlieni fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u ġie infurmat illi l-Kummissarju tal-Pulizija “jħoss illi għandu jiġi deċiż, illi huwa fl-interess pubbliku li inti tiġi kkunsidrat irtirat mill-korp” u Buttiġieġ ingħata ħmistax-il ġurnata tax-xogħol żmien sabiex jissottometti bil-miktub ir-raġunijiet tiegħu għalfejn din it-talba tal-Kummissarju tal-Pulizija ma kellhiex tiġi milqugħa. Dan l-avviż intbagħat ai termini tar-regolament 35 tal-Avviż Legali 186 tal-1999. Minn qari tar-regolament 35 tal-Avviż Legali 186 tal-1999 jirriżulta li l-proċedura għall-irtirar furzat ta’ uffiċċjal pubbliku fl-interess pubbliku hija maqsuma f’żewġ fażijiet distinti. Fl-ewwel fażi, il-Kap tad-Dipartiment iressaq it-talba għall-irtirar forzat tal-uffiċjal in kwistjoni lil Kap tas-Servizz Pubbliku. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu mbagħad jitlob rapport dwar ix-xogħol u l-imġieba ta’ dak l-uffiċjal mingħand kull Kap ta’ Dipartiment li fih l-uffiċċjal ikun serva matul it-tnax-il sena ta’ qabel jew mid-data tal-bidu tas-servizz tiegħu, skont liema tkun l-anqas. Il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu mbagħad jagħti lil dak l-uffiċjal l-opportunita` li jqis kull rapport u dokumentazzjoni oħra li jkunu ġew sottomessi u jagħti lill-uffiċjal l-opportunita` li juri għaliex m’għandux jiġi mġiegħel li jirtira mis-servizz. Wara li jkun qies dan kollu, jekk il-Kap tas-Servizz Pubbliku jkun tal-fehma li l-uffiċjal għandu jiġi mġiegħel jirtira mis-servizz, huwa għandu jibgħat id-dokumentazzjoni kollha flimkien mar-rakkomodazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, sabiex jinbdew proċeduri quddiemha.
Il-Qorti tal-Appell qalet li l-Ewwel Qorti kienet korretta meta sabet li fl-istadju li kienu waslu fihom il-proċeduri ta’ dixxiplina kontra Buttiġieġ, il-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku kienet għadha m’hijiex parti mill-proċedura. Huwa evidenti li huwa żbaljat l-argument li dawn il-proċeduri jirfsu l-kompetenza esklussiva mogħtija lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku mill-Kostituzzjoni li takkwista kompetenza esklussiva fuq il-każ hekk kif jiskattaw il-proċeduri ai termini tar-regolament 35. Jirriżulta li skont il-liġi mhijiex il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li tiddeċiedi jekk tismax każ ta’ rtirar forzat ta’ uffiċjal pubbliku jew le. Huwa s-Segretarju Permanenti Ewlieni li jiddeċiedi dan, ġaladarba skont il-liġi huwa jibgħat il-proċediment quddiem il-Kummissjoni biss jekk ikun tal-fehma li l-uffiċjal filfatt għandu jiġi mġiegħel jirtira. Jekk is-Segretarju Permanenti Ewlieni jiddeċiedi li l-każ m’għandux jiġi riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-każ imut hemm, għax l-Avviż Legali 186 tal-1999 lanqas biss jagħti lil Kap tad-Dipartiment konċernat il-possibilità li b’xi mod jappella minn din id-deċiżjoni. Il-Kostituzzjoni ma tagħti lis-Segretarju Permanenti Ewlieni l-ebda immunità minn stħarriġ ġudizzjarju fid-deċiżjonijiet tiegħu, u għalhekk l-argument magħmul żgur li ma jreġix.
Fis-sentenza intqal li l-Qorti sabet li l-proċess dixxiplinari mniedi kontrih kien vizzjat u bla siwi, l-avviż tat-tnedija tal-proċess li sarlu bl-ittra tal-imħarrek Segretarju Permanenti tal-15 ta’ Ottubru, 2010, kien jikkostitwixxi t-teħid mill-ġdid tal-istess proċediment, bi ħsara għall-jedd tiegħu li ma jkunx assoġġettat għall-istess proċess fuq l-istess xiljiet li kienu sarulu qabel. Għall-imħarrkin, il-qagħda mhijiex hekk: għalihom, is-Sentenza ħassret il-proċedimenti dixxiplinari kollha li kienu saru kontra Buttiġieġ u reġġgħet il-qagħda lura għaż-żmien qabel ma nbdew dawk il-proċedimenti.
Intqal li s-sentenza tagħmilha ċara li r-rakkomandazzjoni tal-KSP (li Buttiġieġ jitkeċċa mis-servizz) kienet illegali u mingħajr effett u għalhekk il-Prim Ministru ma setax joqgħod fuqha u jibgħat l-ittra tat-3 ta’ Mejju, 2001, lill-Michael Buttiġieġ. Is-sentenza tgħid ukoll li dak li huwa illegali ma jħalli l-ebda effett, u għaldaqstant kollox kellu jitqigħed fil-qagħda li kien qabel intbagħtet dik l-ittra. Is-sentenza ma toqgħodx biss fuq ir-rakkomandazzjoni tal-KSP, imma fuq il-proċediment kollu li sar quddiem l-istess Kummissjoni sakemm waslet biex tagħmel dik ir-rakkomandazzjoni. Fil-fehma tal-Qorti, kien il-proċediment kollu safejn sar bi ksur tal-liġi li s-Sentenza sabet li wassal biex ir-rakkomandazzjoni tkun mingħajr effett. Fi kliem ieħor, is-sentenza ma ħassritx biss ir-rakkomandazzjoni tal-KSP, imma l-proċediment kollu kemm hu li nżamm minnha. U ladarba dak il-proċediment sar ħażin, ġab miegħu il-konsegwenza li kemm ir-rakkomandazzjoni tal-imħarrek Prim Ministru u kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissarju mħarrek kienu ttebbgħu bin-nuqqas ta’ siwi ta’ dak il-proċediment.
Intqal li fil-fehma ta’ din il-Qorti kien ikun ferm aħjar kieku d-danni sofferti minn Buttiġieġ ġew likwidati fl-ewwel kawża ntavolata minnu. Però jekk f’dik il-kawża saret biss dikjarazzjoni ta’ responsabbilità għad-danni, huwa ġust u neċessarju li d-danni jiġu likwidati u akkordati fi proċeduri ulterjuri ġaladarba l-konvenuti għażlu li ma jersqux għal-likwidazzjoni tad-danni minkejja d-dikjarazzjoni ċara li saret mill-Qorti u njoraw l-ordni mogħti lilhom li jirreintegraw lill-attur fil-pożizzjoni li kien fiha qabel it-3 ta’ Mejju 2001. Ġaladarba dik id-dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni saret ukoll fil-kuntest ta’ proċeduri ntavolati ai termini tal-Artikolu 469A din il-Qorti tqis illi m’hemm l-ebda ostakolu li l-likwidazzjoni ssir f’dawn il-proċeduri li, bħala proċeduri rradikati wkoll fuq l-istess artikoli, neċessarjament isegwu l-istess regoli u prinċipji proċedurali.
Dak li din il-Qorti ma taqbilx miegħu biss hija l-konklużjoni tal-Ewwel Qorti li s-Segretarju Permanenti Ewlieni huwa responsabbli għall-ħlas ta’ dawn id-danni. Ġaladarba l-likwidazzjoni tad-danni saret abbażi tal-kawża deċiża fis-6 ta’ Ottubru 2010 u d-dikjarazzjoni ta’ responsabbilta` fiha kontenuta, fil-fehma ta’ din il-Qorti għandu jsegwi li l-uniċi konvenuti li għandhom jiġu kkundannati jagħmlu l-ħlasijiet relattivi huma l-konvenuti li kienu konvenuti wkoll f’dik il-kawża, jiġifieri l-Kummissarju tal-Pulizija u l-Prim Ministru. Is-Segretarju Permanenti Ewlieni ma kienx parti minn dawk il-proċeduri u għalhekk kwalunkwe dikjarazzjoni ta’ responsabbiltà għad-danni magħmula fihom ma torbotx lilu.
Michael Buttiġieġ sostna li b’riżultat tal-abbużi u l-irregolaritajiet tal-konvenuti sal-2018 huwa kien diġà tilef sbatax-il sena paga u wkoll karriera fil-Korp fejn kellu potenzjal qawwi li jsir Spettur u jibqa’ miexi fil-Korp. Iżid illi s-sentenza appellata ma ħadet l-ebda kont tat-telfien tal-opportunità li jkompli jistudja u javvanza fil-Korp u li għalhekk l-ammont likwidat mill-Ewwel Qorti mhux biss għandu jiġi konfermat, iżda anzi għandu jiġi miżjud b’mod li jieħu kont tas-snin li reġgħu għaddew bla rimedju, kif ukoll it-telf taż-żidiet minħabba promozzjonijiet.
Intqal li kif diġà ġie osservat kemm mill-Ewwel Qorti u kemm minn dik il-Qorti, it-tħassir tad-deċiżjoni li biha ġie mkeċċi Buttiġieġ ifisser li legalment din id-deċiżjoni qatt ma ġrat u għalhekk l-esponenti legalment ma tilifx l-impjieg tiegħu mal-Korp tal-Pulizija. Fil-fatt, fl-ittra tas-Segretarju Permanenti Ewlieni tal-15 ta’ Ottubru 2010 ingħad li “F’dan id-dawl [b’referenza għas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2010] il-Kap tad-Dipartiment konċernat, jiġifieri l-Kummissarju tal-Pulizija, iħoss li ma kienx hemm triq oħra għajr li tiġi eżegwita s-sentenza fis-sens illi l-arloġġ jerġa’ jitreġġa lura għal pożizzjoni li kienet fit-3 ta’ Mejju 2001 f’liema posizzjoni int attwalment tinstab,…” Għalhekk, b’effett tas-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2001, u kif rikonoxxut mill-konvenuti fl-ittra msemmija, legalment Michael Buttiġieġ baqa’ jokkupa l-kariga tiegħu ta’ Surġent fi ħdan il-Korp tal-Pulizija fit-3 ta’ Mejju 2001. Fir-rigward tal-argument tal-konvenuti li l-attur kellu ntrojtu minn xi ħanut u għalhekk ma sofriex danni, il-Qorti tirrileva li l-konvenuti ma ġabu l-ebda prova dwar dan u għalhekk dan l-argument mhuwiex sostenibbli. Kienet tispetta lil konvenuti l-prova li Buttiġieġ kellu xi ntrojtu ieħor fi żmien relevanti u x’kien dan l-introjtu. Però l-ebda prova ta’ dan ma saret u għalhekk din il-Qorti ma tista’ tagħmel l-ebda tnaqqis mill-ammont likwidati għal din ir-raġuni.
Mill-provi jirriżulta li s-salarju bażiku ta’ Buttiġieġ relattiv għall-grad ta’ Surġent kien fl-ammont ta’ €12,429.54 fis-sena. L-ebda prova ma tressqet dwar allowances u benefiċċji oħra li seta’ kien intitolat għalihom Buttiġieġ, u għalhekk id-danni jridu tabilfors jinħadmu fuq din is-somma. Imbagħad, bejn it-3 ta’ Mejju 2001 u l-15 ta’ Ottubru 2010 għaddew disa’ snin, ħames xhur u tlettax-il ġurnata. Għaldaqstant, id-danni dovuti lill-attur huma fis-somma ta’ mija u sbatax-il elf, erba’ mija u tlieta u disgħin ewro u wieħed u sebgħin ċenteżmu €117,493.71.