Saturday, December 21, 2024

Eku tal-għajbien tat-titjira MH370 għaxar snin wara

Aqra wkoll

Il-qraba tal-passiġġieri li kienu fuq titjira tal-linja tal-ajru tal-Malasja, MH370, għadhom sal-lum, għaxar snin wara, fil-limbu ma jafux x’ġara li wassal għal għajbien misterjuż tal-ajruplan Boeing 777 li fuqu kellu 227 pasiġġier u 12-il membru tal-ekwipaġġ. It-tirjira kienet minn Kuala Lumpur fil-Malasja għal Beijing, iċ-Ċna.

Minkejja li l-ajruplan sparixxa għaxar snin ilu, fit-8 ta’ Marzu 2014, għadu sal-lum meqjus bħala l-ikbar misteru li qatt seħħ fl-istorja tal-avjazzjoni ċivili.

Bosta mill-qraba, għal snin twal ilhom jistaqsu x’kienet tfisser  li l-kontrolluri tal-ajru tilfu l-kuntatt mal-ajruplan meta t-teknoloġija setgħet tirrimedja għal dan. Għalhekk għadhom jitħabtu biex jaslu jagħmlu sens ta’ dak kollu li seta’ ġara.

Fit-8 ta’ Marzu 2014, inqas minn siegħa mit-titjira ta’ rutina bil-lejl minn Kuala Lumpur għal Beijing, il-bdot kien qal il-lejl it-tajjeb lill-kontroll tat-traffiku tal-ajru tal-Malasja. Il-Boeing 777, li kien qed iġorr 227 passiġġier u 12-il membru tal-ekwipaġġ, dak il-ħin kien se jidħol fl-ispazju tal-ajru Vjetnamiż.

F’daqqa waħda bidel id-direzzjoni u l-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha nqatgħu. It-titjira daret lura, l-ewwel fuq il-Malasja, u mbagħad għan-Nofsinhar tal-Oċean Indjan sakemm huwa preżunt li l-ajruplan spiċċa mingħajr fjuwil.

L-għajbien tal-ajruplan wassal għall-akbar u l-aktar operazzjoni ta’ tfittxija għalja li qatt saret u damet għaddejja erba’ snin sħaħ bla ma rnexxielha ssib traċċi tal-ajruplan mitluf. 

Eluf ta’ oċeanografi, inġiniera tal-ajrunawtika u għadd ta’ dilettanti studjaw id-dejta frammentarja mit-titjira, biex jippruvaw jikkalkulaw fejn spiċċat il-vjaġġ tagħha.

Għall-familji ta’ dawk abbord dawn kienu 10 snin ta’ niket inevitabbli, ġlieda biex it-tfittxija tibqa’ għaddejja, biex issir taf eżattament x’ġara mill-MH370, u għaliex.

Il-ftit biċċiet mill-ajruplan li nstabu, huma l-unika evidenza fiżika li qatt ġiet irkuprata fosthom partijiet tal-ġwienaħ, imsadda miż-żmien twil li għamlu mgħerrqin fil-baħar. 

Biċċa oħra kbira, magħrufa bħala flaperon, mill-ġwienaħ, kienet diġà nstabet fuq il-Gżira Reunion, li tikkonferma li t-titjira MH370 kienet tabilħaqq spiċċat fl-Oċean Indjan.

Il-partijiet oħra li nstabu ġew skoperti kollha 16-il xahar jew aktar wara li spiċċaw f’diversi bajjiet tal-Afrika tal-Lvant.

Analiżi tal-kurrenti prevalenti fin-Nofsinhar tal-Oċean Indjan uriet li x’aktarx li dawk il-biċċiet ġew minn fejn kien maħsub li l-MH370 ħabat mal-baħar.

In-numri tas-serje fuq xi partijiet misjuba kienu mqabbla ma’ rekords miżmuma mill-manifattur u jikkonfermaw mingħajr dubju li ġew mill-Boeing tal-Malaysia Airlines. L-ebda Boeing 777 ieħor qatt ma ġġarraf fl-Oċean Indjan.

Il-kumpanija Ingliża, Inmarsat, sabet sensiela ta’ pings jew “handshakes” li saru bejn wieħed mis-satelliti tagħha u l-MH370. Il-komunikazzjoni l-oħra kollha fuq l-ajruplan imbagħad ġiet mitfija.

Din id-dejta skarsa ntużat biex tiġi trijangulata d-distanza bejn l-ajruplan u s-satellita f’kull siegħa tul sensiela ta’ arki ċirkolari, li jagħtu post approssimattiv tal-ħabta. Iżda din hija żona enormi ta’ baħar fond ħafna.

Ekonomija

Sport