Friday, May 3, 2024

Elaine Genovese u Matthew Galea Soler se jġorru l-bandiera Malta fiċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar tal-Ewropa

Aqra wkoll

Fil-bitħa tal-Berġa ta’ Kastilja, il-Prim Ministru Robert Abela ltaqa’ ma’ iktar minn 200 atleta f’għaxar dixxiplini sportivi differenti li jiffurmaw Team Malta li se jieħu sehem fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se jsiru fil-jiem li ġejjn f’Malta. Din hija d-19-il edizzjoni ta’ dan il-logħob u t-tielet waħda li se tiġi organizzata f’pajjiżna.

Quddiem l-atleti Maltin, illi se jikkompetu ma’ atleti minn tmien pajjiżi differenti, il-Prim Ministru Abela fisser kif il-Gvern għamel rekord ta’ investiment f’dan il-logħob, mhux biss fil-faċilitajiet sportivi iżda anki fit-taħriġ tal-atleti. Dr Abela spjega kif pajjiżna jrid jikseb riżultati li jservu ta’ ispirazzjoni għat-tfal kollha li se jibqgħu jgawdu mill-infrastruttura sportiva li tlestiet għal dawn il-logħob.

Dr Abela qal lill-atleti biex jiffukaw fuq dan l-avveniment sportiv internazzjonali organizzat f’pajjiżna iżda r-riżultati li ġejjin għandhom ikunu biss il-bażi biex l-atleti jħarsu lejn affarijiet akbar, fosthom l-Olimpjadi ta’ Pariġi fl-2024.

Qabel il-Prim Ministru, indirizza lill-atleti wkoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima u l-President tal-Kumitat Olimpiku Malti Julian Pace Bonello.

Il-Ministru Grima spjega kif dawn il-logħob mhux biss se jkomplu jpoġġuna fuq il-mappa dinjija tal-isport imma l-atleti għandhom l-opportunità jsarrfu t-taħriġ u l-investiment li sar fihom f’riżultati tajbin kemm fuq livell personali kif ukoll fuq livell internazzjonali.

Min-naħa tiegħu, is-Sur Pace Bonello awgura lill-atleti kollha li se jirrappreżentaw lil Malta u ħeġġeġ lin-nies biex jattendu għall-kompetizzjoni f’dawn il-logħob li se jsiru bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju.

Wara d-diskors tal-Prim Ministru, iċ-Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv ta’ dawn il-Logħob Mark Cutajar preżenta sett ta’ midalji ta’ dawn il-logħob lill-Prim Ministru u ‘l-captain tal-kontinġent Malti, Eleonor Bezzina.

L-atleta veterana Bezzina min-naħa tagħha ħabbret li Elaine Genovese u Matthew Galea Soler se jkunu ż-żewġ atleti li se jġorru l-bandiera Maltija waqt iċ-ċerimonja tal-ftuħ tal-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar li se ssir għaxart ijiem oħra fuq il-Fosos tal-Floriana.

Il-Logħob tal-Pajjizi z-Żgħar tal-Ewropa se jsir bejn id-29 ta’ Mejju u t-3 ta’ Ġunju. Id-dħul għall-kompetizzjonijiet huwa mingħajr ħlas. L-Iskeda tal-Logħob tista’ tara fuq https://gssemalta2023.mt/schedule/

Id-XIX Logħob tal-Istati Żgħar tal-Ewropa qed jiġu appoġġjati minn SportMalta, NDSF, Welbee’s Supermarket, National Lottery, MITA, General Soft Drinks, Visit Malta, European Olympic Committees, Go, Enemed, BOV, Transport Malta, Malta International Airport u The Concept Stadium.

Sport