Waqt avveniment li sar f’Villa Bighi fil-Kalkara, spikkat l-eleganza ta’ ħafna lbiesi u mixi fuq il-passarella minn diversi mudelli. Mudelli li ħafna minnhom kienu qed jikkompetu fil-konkors ta’ Mr World u Miss World Malta by Zardetto 2025.
Ir-rebbieħa ta’ dan il-konkors tant prestiġjuż huma Suwaida Bugeja li hija infermiera ta’ 27 sena u Sean Jenkins. Dawn ir-rebbieħa ta’ dawn iż-żewġ titli prestiġġjuzi Miss u Mr World Malta issa taw id-dritt lil dawn iż-żewġ mudelli sabiex jirrappreżentaw lil Malta fl-akbar konkors tas-sbuħija Miss u Mr World. B’kollox kien hemm tlieta u għoxrin tfajla u tlettax-il ġuvni li ħadu sehem fid-disa’ u għoxrin edizzjoni ta’ dan il-konkors.
Ir-rebbieħa ngħataw bosta rigali minn sponsors uffiċjali ta’ din is-serata. Titli oħra kienu Best Personality, Multimedia Award Best Physique, li ngħata lil Jasmine Bartolo li ġiet ukoll fit-tieni post. Min-naħa tal-irġiel, il-mudell Ilyan Seychell ġie wkoll fit-tieni post. Ir-rebbieħa tat-titlu Beauty With a Purpose hija Brittany Spiteri fejn inġabret is-somma ta’ 7,100 ewro għal The Malta Trust Foundation mill-kontestanti kollha.
Tkellimna ma’ Suwaida Bugeja, li apparti t-titlu ta’ Miss World Malta wkoll ingħatat it-titlu ta’ Face of Golden Rose u qaltilna dwar din ir-rebħa straordinarja u l-unur li kisbet u hija wieġbet hekk: “nixtieq nirringrazzja lill-ġurija kollha li emmnu fija, ilni ħafna naħdem biex nieħu t-titlu ta’ Ms World Malta, ħdimt ħafna kemm jiena u anke t-tim tiegħu u nwegħedkom li ser immur nirrappreżenta lil Malta u ser nagħmel unur lil pajjiżna.”
Tlabna wkoll biex twassal messaġġ lil dawk li joħolmu li xi darba jieħdu sehem f’xi konkors tas-sbuħija u li anke jekk possibbli jirbħu xi titlu u jkunu jistgħu jirrappreżentaw lil Malta barra minn xtutna. Hija wieġbet “taqtax qalbek, kulħadd jibda xi ħaġa minn xi mkien, jien ukoll bdejt minn xi mkien, trid temmen fik innifsek, u dawwar lilek innifsek b’nies li jkunu jħobbuk u jemmnu fik u xejn ma jkun impossibbli.”
Tkellimna wkoll mar-rebbieħ ta’ Mr World Malta Sean Jenkins li qalilna jinsab kuntent ħafna u li jinsab “eċitat biex issa jara l-proġetti li pjana li jagħmel iseħħu”, tant li meta tkellimna fuq il-futur huwa qal li l-futur tiegħu huwa “mimli b’ħafna xogħol u ħafna pjanijiet li huma ambizzjużi.”
Meta tlabna jwassal messaġġ għal dawk li jaspiraw li jkunu mudelli u jagħmlu karriera f’dan il-qasam huwa qal li “tkun lest li tiġġieled għal dak li trid anke jekk jaf tkun diffiċli u tibqa’ ffukat fuq il-ħaġa li trid sakemm tiksibha.”