Monday, June 16, 2025

Elett il-kumitat il-ġdid tal-Kumitat Paralimpiku Malti u mħabbra l-istrateġija sa Los Angeles 2028

Aqra wkoll

Il-Kumitat Paralimpiku Malti (MPC) ħabbar il-viżjoni tiegħu għall-Para Sport u l-membri ġodda eletti tal-kumitat eżekuttiv tiegħu waqt il-laqgħa ġenerali annwali tiegħu.

Waqt li indirizza federazzjonijiet sportivi nazzjonali, assoċjazzjonijiet, klabbs sportivi, atleti u partijiet interessati, l-MPC nieda l-istrateġija li għandha twassal sal-Logħob Paralimpiku ta’ Los Angeles 2028, immexxi mill-etos ta’ ‘Inclusion meets Excellence’.

Is-settur Paralimpiku Malti għadda minn trasformazzjoni kbira f’dawn l-aħħar snin, fejn żviluppa minn grupp ta’ madwar ħmistax-il atleta fl-2018 għal komunità ta’ aktar minn 75 atleta, f’firxa usa’ ta’ sports u diversità ta’ diżabilitajiet fiżiċi, viżwali, tas-smigħ u intellettwali. L-MPC enfasizza kif il-kollaborazzjonijiet ma’ msieħba fl-isport, id-diżabilità u l-edukazzjoni kienu kruċjali biex jinbidlu l-perċezzjonijiet lejn persuni b’diżabilità f’Malta, biex jipprovdu opportunitajiet aħjar biex jaċċessaw l-isport b’mod sinifikanti u dinjituż.

L-MPC irringrazzja lill-atleti individwali kollha u lill-familji tagħhom għall-approċċ pożittiv tagħhom – “L-atleti b’diżabilità jiffaċċjaw ħafna sfidi, iżda kollha għandhom karatteristika komuni – ir-rieda li jegħlbu l-avversità permezz ta’ kuraġġ u determinazzjoni bla paragun. L-atleti kollha huma xempju għalina wkoll. Bħala pajjiż, għandna d-dmir li nappoġġjaw lill-komunità Paralimpika biex tiffjorixxi u li nħarsu lejn il-persuna mhux id-diżabilità.”

B’ħarsa ’l quddiem lejn l-2028, l-MPC huwa kommess biex jintlaħqu livelli ogħla, biex iwassal servizz ta’ kwalità aħjar u innovazzjoni fl-isport. L-MPC ħabbar ukoll imsieħba ewlenin li qed jappoġġjawh li jinkludu l-APS Bank, Deloitte, Ganado Advocates, BMIT plc, il-Ministeru għall-Inklużjoni u s-Settur Volontarju u l-Ministeru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni. L-MPC irringrazzja wkoll lill-entitajiet li jkomplu jikkontribwixxu għas-suċċess, inkluż il-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, il-Kumitat Olimpiku Malti, SportMalta, l-Awtorità għall-Integrità fl-Isport Malti, The Malta Trust Foundation, il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju, u s-Soċjetà Maltija għar-Riabilitazzjoni Fiżika u l-Mediċina, fost oħrajn.

Fil-Laqgħa Ġenerali Annwali, il-membri preżenti eleġġew il-kumitat eżekuttiv il-ġdid, bil-membri fundaturi, il-Prof. Joseph N. Grima (President), Dr Julian Bajada (Segretarju Ġenerali) u Vladyslava Kravchenko PLY (Teżorier u Affarijiet Internazzjonali) ikkonfermati fir-rwoli tagħhom għal mandat ieħor. It-tim huwa magħmul minn taħlita ta’ persuni stabbiliti fl-isport Paralmpiku u membri ġodda – Simon Zammit (Viċi President), Maja Theuma PLY (Rappreżentanta tal-Para Atleti), Dr Kristina Rapa Manche (Uffiċjal tal-Integrità), Julian Cassar Torregiani (Strateġija u PR), u Marilena H. Imbroll (Grassroots u Kommunita’). L-MPC esprima l-gratitudni tiegħu lill-membri li tterminaw l-irwol, Dr Laura Demicoli u Noel Aquilina, għas-servizz tagħhom lill-Para Sport.

Gie elett ukoll il-Kunsill tal-Atleti Paralimpiċi tal-MPC, li huwa l-forum konsultattiv u l-vuċi tal-atleti lokali, bil-Paralimpiċi Maltin Maja Theuma PLY u Thomas Borg PLY jingħaqdu mal-atleti JeanFred Agius, Kurt Farrugia u Nick Mercieca. Il-kunsill jaġixxi bħala punt ta’ riferiment għall-atleti, u jikkontribwixxi b’mod attiv għal proġetti mmirati fuq l-edukazzjoni, l-emanċipazzjoni u l-għarfien.

Imwaqqaf fl-2018, l-MPC għandu rwol importanti fit-trasformazzjoni ta’ soċjetà aktar inklussiva permezz tal-qawwa tal-Isport Paralimpiku u l-valuri Paralimpiċi globali tal-Ugwaljanza, il-Kuraġġ, id-Determinazzjoni u l-Ispirazzjoni.

Filwaqt li jirrikonoxxi l-impatt tal-isport fuq l-individwi, inklużi persuni b’diżabilità, il-Kumitat Eżekuttiv li għadu kif ġie elett għamel appell ġdid biex aktar nies jingħaqdu mal-moviment. Individwi interessati li jinvolvu ruħhom fl-isport huma mħeġġa jikkuntattjaw lill-MPC permezz ta’ [email protected] u jingħaqdu mal-vjaġġ billi jżuru https://www.paralympic.mt jew isegwuna fuq https://www.facebook.com/MaltaParalympicCommittee jew paralympics_mt fur Instagram.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport