Ella Borg twieldet nhar l-10 ta’ Lulju 2004 u llum il-ġurnata għandha 17-il sena. Hi tipprattika l-ġinnastika u kkwalifikat għall-ewwel fil-Junior Artistic World Championships, EYOF u Comegym Junior Mediterranean Games.
Hija spiċċat fl-ewwel post overall, fil-beam u bħala team u t-tielet fil-floor f’Novi Sad is-Serbja. Barra minn hekk fil-bidu tal-karriera internazzjonali tagħha temmet fit-tieni post fil-floor fit-Tigers Cup, f’Riga l-Latvja u t-tielet l-beam waqt l-Ukranian Cup li saret fil-belt ta’ Kiev fl- Ukrajna.
F’dawn l-aħħar snin kompliet tistabilixxi ruħha f’dan l-isport u hija meqjusa bħala waħda mill-aqwa ġinnasta lokali.
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-ġinnastika?
Kont għadni tifla żgħira u ommi kienet dejjem tarani b’enerġija kbira fejn ġieli kont nipprova xi akrobazija jew inkella xi kutrumbajsa.
Kien għalhekk li hi ssuġġerietli li nipprova l- ġinnastika u jien aċċettajt. Kienet kitbitni mal-Gym Stars ta’ Ħaż-Żebbuġ u mill-ewwel qisu għoġobni dan l-isport. Minn dik il-ġurnata bqajt għaddejja nitħarreġ, nipprattika u nieħu sehem f’kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali u litteralment qatt ma ħarist lura.
Għall-bidu kelli l-coach Antonina iżda aktar tard ġiet ukoll Nataliya Pantaleeva li għadha tieħu ħsiebi sal-lum il-ġurnata. B’mod gradwali avvanzajt, dejjem żammejt saqajja mal-art u komplejt niżviluppa l-ħiliet tiegħi f’din id-dixxiplina.
Semmejt lil Nataliya Pantaleeva. Kemm tgħinek din bħala coach?
Il-coach Nataliya tgħini ħafna, tagħtini pariri tajbin, hija persuna paċenzjuża u dejjem tara li nkunu fhimna dak li tgħidilna. Hi għenitni ħafna sabiex intejjeb diversi ħiliet fosthom is-saħħa u anke l-flessibbiltá li bla dubju huma ferm importanti fil-ġinnastika.
Il-coach tiegħi għandha esperjenza vasta fuq livell internazzjonali hekk kif anke hi pparteċipat f’diversi kompetizzjonijiet lura fiż-żmien u għalhekk issa qed tgħaddi dak kollu li taf lilna bħala ġinnasti Maltin. Verament ninsabu xxurtjati li għandha coach dedikata fejn flimkien mal-kumitat kollu jaraw li bħala atleti ma jkun jonqosna xejn.
Int għadek studenta fl- iskola apparti li għandek taħriġ intensiv f’dan l-isport. Kif jirnexxielek tlaħħaq ma’ dawn l-attivitajiet kollha?
F’dan l-istadju għalija huwa importanti ħafna li nqassam il-ħin tiegħi. Dan kollu mhux faċli speċjalment minħabba li rrid inlaħħaq ukoll mal-istudju u x-xogħol tad-dar apparti t-taħriġ kontinwu. Ġieli nispiċċa nistudja fil-karozza sabiex inlaħħaq iżda s’issa ma ngergirx.
Liema kienu l-kompetizzjonijiet maġġuri li rnexxielek tirbaħ sa issa kemm lokali u anke barra minn xtutna?
Jien ħadt sehem f’diversi kompetizzjonijiet lokali u internazzjonali. Fil-fatt għadni ġejja minn taħriġ intensiv fil-Belġju fejn nistqarr li tgħallimt ħafna f’dan il-kamp ta’ taħriġ.
Ħadt sehem ukoll f’kompetizzjoni msejħa Islands Games fejn irnexxieli nieħu midalji tad-deheb, tal-fidda u tal-bronż. Kelli wkoll parteċipazzjoni fil-logħob taż-żgħażagħ kemm dawk dinjija kif ukoll tal-Mediterran.
Int irbaħt il-kampjonati nazzjonali tal-ġinnastika. X’fisser għalik dan is-suċċess?
Għalija kien importanti ħafna li nirbaħ il-kampjonati nazzjonali għax ridt inżomm ċertu livell f’din id-dixxiplina.
Għalija din kienet ukoll it-tieni darba li rbaħt din il-kompetizzjoni u ninsab kuntenta ħafna li wasalt għal dan it-tragward. Ġejt fl-ewwel post f’kull apparat fosthom il-vault u l-floor.
Kif tipprepara fiżikament u psikoloġikament qabel ma tkun se tikkompeti f’xi kompetizzjoni?
L-ewwel u qabel kollox, trid tagħmel ħafna u ħafna taħriġ. Jien nitħarreġ kuljum u meta tkun ġejja xi kompetizzjoni, inżidu wkoll is-sigħat ta’ taħriġ sabiex dejjem inkun fl-aqwa forma possibbli.
Għalkemm fiżikament hu importanti li tkun tajba, madankollu l-moħħ jilgħab parti importanti u għalhekk importanti li dejjem tkun rilassata sabiex tagħti l-aqwa wirja possibbli aktar u aktar meta int tkun quddiem il-ġurija.
X’differenza hemm bejn il-kompetizzjonijiet tal-beam, floor, bars u vault?
Ġeneralment dawn l-erba’ tipi ta’ ġinnastika fihom il-partikolaritajiet tagħhom. F’ordni Olimpika, l-ewwel insibu l-vault, imbagħad il-bars, il-beam u finalment il-floor. Kull avveniment hu importanti għall-ġinnasta li bl-Ingliż tissejjaħ all-rounder, jiġifieri, tkun kapaċi tagħmilhom l-erbgħa li huma.
Naturalment mhux xi ħaġa faċli, fil-fatt huwa rari li ġinnasta tkun tajba fl-erbgħa li huma.
Tajjeb li ngħidu li ġinnasta b’saħħitha tmur tajjeb fil-vault u l-floor minħabba li jinvolvu ħeffa u saħħa. Madankollu ġinnasta li forsi hi iktar fina tmur għall-bars u l-beam. Dawn l-avvenimenti jinvolvi ħila kbira u fuq kollox trid tiffoka ħafna.
Int tikkompeti bħala team jew inkella individwali?
Normalment nikkompeti b’mod individwali f’kompetizzjonijiet lokali u anke internazzjonali.
Liema huma l-kompetizzjonijiet internazzjonali li qed taspira li tieħu sehem fil-futur qrib?
Nixtieq ħafna li mmur fil-Logħob tal-Commonwealth kif ukoll wieħed mill-objettivi tiegħi hu li nirrappreżenta lil Malta fil-Logħob Olimpiku. Naf li dawn mhux tragwardi faċli iżda lesta nagħmel minn kollox, nistinka, nitħarreġ u nirsisti sabiex il-ħolm li għandi jsir realtá.
Peress li f’Malta, l-għażliet għall-ġinnasta huma ferm limitati, tikkonsidra li tmur tgħix barra minn Malta sabiex hemmhekk issir atleta professjonali?
Iva hi x-xewqa tiegħi li niddedika ħafna mill-ħin tiegħu għall-ġinnastika u eventwalment nsir professjonali.
Kif tarah il-livell tal-ġinnastika f’Malta?
Qed nara li jiġu organizzati diversi avvenimenti żgħar għalkemm aktar ma jkun hemm kompetizzjonijiet aktar ikun hemm titjib
Huwa veru li għandna l-limitazzjonijiet tagħna iżda meta aħna mmorru nitħarrġu u nikkompetu barra minn Malta, mingħajr ma trid ittella’ l-livell tiegħek.
X’taħseb dwar l-infrastruttura fejn atleti u ġinnasti jitħarrġu f’pajjiżna? Hemm biżżejjed?
Ifhem, iktar ma jkun hemm iktar se tara parteċipazzjoni għalkemm naħseb li ma nistgħux ingergru daqshekk għax il-ftit riżorsi li hawn huma tajbin.
X’se jkun il-futur ta’ Ella Borg?
Kif għedtlek aktar qabel, se nkompli naħdem aktar sabiex nipparteċipa f’kompetizzjonijiet prestiġjużi fosthom it-Tazza tad-Dinja f’Dubai, il-Logħob tal- Mediterran, il-kampjonati Mondjali u dawk tal-Commonwealth. Importanti li tkun ambizzjuża għax b’hekk biss jiġu s-suċċessi.
Nixtieqek tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li qed jaqraw din l-intervista u li jixtiequ jaqbdu karriera fil-ġinnastika.
M’hemmx dubju li l-ġinnastika hu sport diffiċli iżda huwa sabiħ ferm.
Dan it-tip ta’ sport jirrikjedi ħafna sigħat ta’ taħriġ, sagrifiċċji, dedikazzjoni u rieda sabiex jibdew jaslu s-suċċessi.
Importanti li ma taqtax qalbek u jekk tibqa’ tirsisti, bla dubju, se tikseb ir-riżultati mixtieqa.