Thursday, January 16, 2025

Elon Musk akkużat li xtara ishma bi prezz artifiċjalment baxx

Aqra wkoll

Il-biljunarju Elon Musk, li fi ftit jiem oħra se jkun parti mill-amministrazzjoni ta’ Donald Trump, qed jiffaċċja kawża magħmula kontrih mill-għassies tas-swieq tal-Istati Uniti talli allegatament naqas milli jiżvela li kien akkwista sehem fi Twitter li permezz tiegħu seta’ jixtri ishma bi prezzijiet artifiċjalment baxxi.

Il-kawża li fetħet il-Kummissjoni tat-Titoli u l-Kambju (SEC) allegat li l-kap multibiljunarju ta’ Tesla iffranka mal-150 miljun dollari fix-xiri ta ishma bħala riżultat ta’ dan.

Skont ir-regoli tas-SEC, l-investituri li l-investimenti tagħhom jaqbżu l-5% għandhom 10 ijiem żmien biex jirrappurtaw li qabżu dak il-limitu. Musk għamel hekk 21 jum wara li xtara dawk l-ishma.

F’post fuq il-midja soċjali, Musk sejjaħ lis-SEC bħala organizzazzjoni totalment mifxula u miksura. Huwa akkuża wkoll lir-regolatur illi jaħli l-ħin tiegħu meta “hemm tant reati attwali li jibqgħu mingħajr ma jiġu kastigati.”

Skont is-SEC, il-ksur tar-regolamenti minn Musk irriżulta fi ħsara ekonomika sostanzjali lill-investituri. Il-prezz tal-ishma ta’ Twitter żdied b’aktar minn 27% wara li Musk xtara l-ishma tiegħu fl-4 ta’ April 2022, qalet is-SEC. Musk kien xtara Twitter għal 44 biljun dollari f’Ottubru 2022 u minn dakinhar biddel l-isem tal-pjattaforma għal X.

Fi stqarrija, l-avukat ta’ Musk, Alex Spiro, iddeskriva l-kawża bħala “falsità” u “kampanja ta’ fastidju” kontra l-klijent tiegħu.

L-ilment ġie sottomess mis-SEC lil qorti federali f’Washington DC nhar it-Tlieta u fil-kawża qed jintalab ukoll li l-qorti tordna lil Musk biex iċedi l-profitti “inġusti” u jħallas multa.

Il-kap tas-SEC, Gary Gensler, ħabbar f’Novembru li se jirriżenja mir-rwol tiegħu meta Donald Trump jirritorna l-White House fl-20 ta’ Jannar 2025. Dan wara li Trump ddikjara li jkeċċi lil Gensler fl-ewwel jum tal-amministrazzjoni l-ġdida tiegħu.

Taħt it-tmexxija ta’ Gary Gensler, is-SEC ikklaxxja ma’ Musk li huwa alleat mill-qrib tal-president elett Trump. Iżda Musk kellu l-imkwiet mas-SEC ħafna qabel ma  Gensler inħatar fil-kariga ta’ kap.

Fl-2018, ir-regolatur ta’ dak iż-żmien akkuża lil Musk li ffroda lill-investituri billi sostna li kellu finanzjament garantit biex jixtri Tesla, il-kumpanija privata tal-karozzi elettriċi li jmexxi.

Iktar tard huwa rranġa l-akkużi, ċeda l-kariga ta’ chairman tal-bord tal-kumpanija u aċċetta li dak li ġie msejjaħ Twitter sitter – limiti fuq dak li seta’ jikteb fuq il-midja soċjali dwar il-kumpanija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport