Sa minn tliet ġimgħat ilu bdew jiċċirkolaw rapporti li n-negozjant l-aktar sinjur fid-dinja, l-Amerikan Elon Musk kien interessat li jixtri l-club ta’ Liverpool.
Musk, li huwa l-fundatur u l-Kap Eżekuttiv ta’ Space X, Tesla u X, għandu imperu ta’ £400 biljun.
U minkejja matul il-perjodu tal-Milied dawn ir-rapporti “għebu” issa sar magħruf li Musk, 53 sena, irid jibda taħdidiet mas-sidien tal-club, Fenway Sports Group.
L-Amerikani FSG kienu qalu li kienu lesti jċedu lill-club jekk xejjer ġust ikun interessat biex jixtri l-ishma tagħhom fit-tentattiv biex il-club jingħadda f’idejn sodi.
Iċ-chairman ta’ FSG, John W. Henry, qed jivvaluta l-bejgħ għal £6 biljun liema somma Musk huwa lest li jħallas. Peró rapporti mhux uffiċjali qed isostnu li FSG jistgħu jgħollu l-prezz tagħhom wara li, f’Ottubru 2010, kienu xtraw il-club għal £300 miljun mingħand il-kompatrijotti tagħhom, George Gillett u Thomas Hicks.
Bla dubju, minn dak in-nhar, FSG għamlu investiment qawwi fil-club peró, jekk kollox imur kif ippjanat, huma jkunu għamlu qliegħ ta’ £3 biljun.
Barra minn hekk, FSG jkunu interessati li jitilqu minn Liverpool hekk kif issa għamlu investiment ta’ $1 biljun mal-Public Investment Fund tal-Arabja Sawdija fi ftehim li sar rigward il-PGA Tour tal-golf.
Barra minn hekk, Henry għandu 75 sena u għaldaqstant jista’ jċedi t-tmexxija.
Dan kollu ġie żvelat minn qarib ta’ Musk li sostna li qed isiru ħafna preżentazzjonijiet minn wara l-kwinti.
Rapporti oħra mhux uffiċjali qed isostnu wkoll li Musk jista’ jkun interessat li jibni stadium ġdid.