Friday, December 13, 2024

Elon Musk jerġa’ jagħti l-aċċess lil Trump għal Twitter 

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Is-sid il-ġdid ta’ Twitter, Elon Musk ħabbar li Trump se jitħalla lura fuq il-pjattaforma tiegħu. Musk żvela dan wara r-riżultat tal-istħarriġ li wettaq dwar jekk l-eks President Amerikan kellux jingħata l-aċċess għall-istess profil tiegħu.

Musk qal li n-nies tkellmu u li kważi 52 fil-mija tan-nies, li jammontaw għall-aktar minn 15-il miljun persuna, vvutaw favur li titneħħa l-projbizzjoni fuq Trump.

Minkejja dan, Trump qal li ma jara l-ebda raġuni għala għandu jerġa’ jibda juża’ din il-pjattaforma. Il-kont tiegħu kien ġie sospiż fl-2021 minħabba riskju li jinċita l-vjolenza. Is-sospensjoni kienet saret ftit wara l-irvellijiet minn partitarji ta’ Trump f’Capitol Hill f’Jannar tas-sena l-oħra.

Mijiet ta’ dimostranti favur Trump kienu daħlu fil-kumpless hekk kif il-Kungress Amerikan ipprova jiċċertifika r-rebħa ta’ Joe Biden fl-elezzjoni presidenzjali. Dawn l-irvellijiet kienu kkaġunaw il-mewt ta’ erba’ persuni ċivili u uffiċjal tal-pulizija.

Ftit wara l-irvellijiet, ġew sospiżi wkoll il-kontijiet ta’ Facebook, Instagram u YouTube ta’ Donald Trump, li kollha kellhom għexieren ta’ miljuni ta’ segwaċi. Xi xhur wara Trump nieda l-pjattaforma tal-midja soċjali tiegħu stess, Truth Social.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, ir-Repubblikan ħabbar li se jerġa’ jikkontesta għall-presidenza Amerikana fl-2024, proprju kif kien qal li se jagħmel mal-aħbar tat-telfa tiegħu kontra l-President Joe Biden.

Ekonomija

Sport