Il-leġġendarju Brażiljan, Pelé, illum ingħata l-aħħar tislima mill-poplu hekk kif il-ġisem tiegħu kien espost fl-istadium ta’ Santos, Vila Belmiro.
Matul il-ġurnata eluf ta’ partitarji marru jagħtu ġieħ lil wieħed mill-aqwa players li qatt rat id-dinja u li qatt ma telaq lil dan it-team … ħlief lejn tmiem il-karriera tiegħu meta, fl-1977, mar jilgħab fl-Istati Uniti ma’ New York Cosmos.
Ħafna mill-partitarji dehru mbikkma u oħrajn li ma setgħux jemmnu li r-”Re” tal-football miet wara li paxxa lid-dinja kollha bil-kapaċitajiet tiegħu fejn huwa l-uniku wieħed li rebaħ it-Tazza tad-Dinja tliet darbiet – 1958, 1962, 1970.
Kien hemm bosta personalitajiet distinti li marru jagħtu l-aħħar tislima lil Pelé fosthom il-president tal-FIFA, Gianni Infantino.
Wara li jkun dam 24 siegħa espost għall-pubbliku, għada se ssir id-difna f’ċerimonja privata, fiċ-ċimiterju Memorial Necropole Ecumenica.
Pelé miet nhar il-Ħamis li għadda fl-etá ta’ 82 sena wara li tilef il-battalja tal-kanċer fl-imsaren.
Illum huwa l-aħħar jum ta’ luttu hekk kif il-gvern Brażiljan iddikjara tlett ijiem ta’ luttu għall-mewt ta’ Pelé.